Wednesday, December 17, 2025

Il-Parlament Ewropew jonora lil żewġ ġurnalisti miżmuma l-ħabs

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’ċerimonja li saret ilbieraħ fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, il-ġurnalisti Andrzej Poczobut mill-Belarus u Mzia Amaglobeli mill-Georgia – li attwalment jinsabu miżmuma l-ħabs – ġew rikonoxxuti bil-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb. 

Il-Parlament Ewropew onora lil dawn iż-żewġ ġurnalisti għall-kuraġġ tagħhom biex jiddefendu l-libertà tal-espressjoni u d-drittijiet demokratiċi f’pajjiżhom. Dan il-premju ġie mogħti lil rappreżentanti taż-żewġ ġurnalisti li lkoll faħħru l-ħidma ta’ Andrzey u Mzia.

Waqt iċ-ċerimonja tkellmet Jana Poczobut, it-tifla ta’ Andrzey Poczobut, li qalet huwa unur kbir għaliha li taċċetta dan il-premju f’isem missierha. Qalet li għal ħames snin sħaħ, hi u familtha għexu b’ħafna inċertezzi, fis-silenzju u mingħajr il-persuna li jħobbu fosthom. 

“Għażilna li nibqgħu nittamaw. Il-familja tagħna mhix l-unika li qed tesperjenza dan. Hemm ħafna oħrajn. Insellem ukoll lil Mzia mill-Georgia li ma tistax tkun hawn… l-impenn u s-saħħa li għandek jispira lil ħafna u ħafna nies. L-istorja tiegħek tfakkar li l-ġlieda favur id-drittijiet tal-bniedem hi universali.”

F’isem Mzia tkellmet Irma Dimitradze, ġurnalista minn Gazeti Batumelebi. Hija qalet li Mzia dejjem serviet b’ġurnaliżmu etiku u fittxet il-verità. “Mzia hija l-wiċċ tar-reżistenza, il-gwida morali u l-kuxjenza tagħna.”

Qalet li jkollna ġurnaliżmu indipendenti huwa “l-aktar mod b’saħħtu u garantit għalina biex nissalvagwardjaw id-drittijiet tas-soċjetajiet tagħna.”

Dimitradze sostniet li l-Premju Sakharov huwa rikonoxximent kemm għas-soċjetajiet fil-Georgia imma wkoll għall-ġurnalisti f’dan il-pajjiż sabiex ikomplu jirrapportaw minkejja l-kurrenti kollha kontrihom.

“Huwa rikonoxximent għax-xogħol tal-ġurnalisti kollha madwar id-dinja. Turija ta’ kemm l-istituzzjonijiet bħall-Parlament Ewropew jappoġġjaw id-difiża tad-demokrazija u l-libertà tal-kelma.” 

Hija qrat ukoll ittra miktuba minn Mzia li fiha jingħad: “Għeżież membri tal-Parlament Ewropew. Li nirċievu dan il-premju għad-drittijiet tal-bniedem huwa unur u responsabbiltà kbira. Naċċetta f’isem il-kollegi tiegħi ġurnalisti li qed jiġġieldu fil-Georgia biex isalvaw il-ġurnaliżmu. 

“Naċċetta dan il-premju f’isem priġunieri politiċi li huma l-ħabs intortament u huma kkundannati. Dan il-premju huwa prova tal-fatt li l-leħen taċ-ċittadini tal-Georgia qed jinstema’ fl-Unjoni Ewropea.”

“Andrzey u Mzia huma l-personifikazzjoni tal-kuraġġ”

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li Andrzey u Mzia huma l-personifikazzjoni tal-kuraġġ. Andrzey fid-dawl tal-oppressjoni u d-difiża tal-minoranza Pollakka urewh bħala simbolu ta’ reżiljenza u anke Mzia fil-ġlieda tagħha għall-valuri fundamentali tagħna hi dawl għal dawk kollha li jemmnu li l-libertà u d-dinjità m’għandhom qatt jiġu ċeduti. 

Metsola qalet li b’dan il-premju, il-Parlament Ewropew qed iġorr il-messaġġ ta’ dawn iż-żewġ ġurnalisti u jamplifikah bl-ikbar sinjal li l-oppressjoni qatt mhu se terbaħ. “Nilqgħu r-rilaxx riċenti ta’ 123 priġunier politiku mill-Belarus. Imma qatt mhu se nieqfu sakemm kull persuna miżmuma b’mod illegali jinħelsu.”

“Irridu nassiguraw li kull ġurnalist jitħalla jagħmel xogħlu b’mod sigur”

Sophie Wilmès, Viċi President tal-Parlament Ewropew responsabbli mill-Komunità Sakharov, saħqet li l-ġurnalisti m’għandhom qatt jintbagħtu l-ħabs minħabba xogħolhom. Qalet li fuq livell Ewropew se jkomplu bil-pressjoni tagħhom biex jassiguraw ir-rilaxx ta’ Andrzey u Mzia. 

“Huwa d-dover tagħna li nassiguraw li kull ġurnalist jitħalla jagħmel xogħlu b’mod indipendenti u sigur, ikunu fejn ikunu,” qalet Wilmès. 

“Andrzey huwa raġel ta’ prinċipju… dejjem fittex il-verità”

Robert Tyszkiweicz, Avukat għad-drittijiet Pollakki, iddeskriva lil Andrzey bħala raġel ta’ prinċipju u bħala ġurnalist u attivist, dejjem fittex il-verità u tal-fehma li għandu jitkellem dwar dak li qed jiġri fil-Belarus biex isseħħ il-bidla.

Anna Kietlińska, President tal-fergħa Podlaskie tal-Assoċjazzjoni tal-“Komunità Pollakka” tkellmet dwar is-sitwazzjoni ta’ Andrzey, li fi kliemha hija waħda diffiċli ħafna. Qal li minkejja kollox, Andzrey għadu ma qatax qalbu. 

Min-naħa l-oħra, Kietlińska qalet li huwa m’għandux kuntatt mal-familjari tiegħu, għalkemm priġunieri oħra qegħdin jitħallew iċemplu lill-familjari tagħhom minn żmien għal żmien u jsiru anke żjarat fil-ħabs. 

Kietlińska kompliet tgħid: “Ili naf lil Andrzey 20 sena. Ġej minn familja bi tradizzjonijiet b’saħħithom ta’ indipendenza. Fl-artikli tiegħu, huwa kiteb dwar id-dritt tal-minorità Pollakka u l-istorja tal-Polonja. 

“Huwa wkoll kien enfasizza l-istorja tar-reżistenza Pollakka waqt it-Tieni Gwerra Dinjija. Kien ilu wkoll jiġġieled għall-edukazzjoni Pollakka fil-Belarus. Kien attiv ħafna biex jagħmilha possibbli għall-minorità Pollakka sabiex tirrappreżenta lilha nfisha. Huwa persuna importanti u qatt ma naqas milli jippreżenta l-verità,” hija temmet tgħid.

 == DAWN GĦALIHOM FIL-ĠENB (anke ssib ritratti tagħhom) =====

Andrzej Poczobut

Andrzej Poczobut huwa ġurnalist, blogger u attivist mill-minoranza Pollakka fil-Belarus. Magħruf għall-kritika qawwija tiegħu tar-reġim ta’ Lukashenko u l-kitbiet tiegħu dwar l-istorja u d-drittijiet tal-bniedem.

Huwa kien arrestat fl-2021 u kkundannat għal tmien snin ħabs f’kolonja penali. Minn dak iż-żmien ’l hawn, saħħtu ddeterjorat iżda, minkejja li ma rċeviex il-kura medika li għandu bżonn, għadu qed jiġġieled għal-libertà u d-demokrazija. L-istat ta’ saħħa attwali ta’ Poczobut mhuwiex magħruf u l-familja tiegħu ma tistax iżżuru.

Mzia Amaglobeli

Mzia Amaglobeli, ġurnalista mill-Georgia u direttriċi tal-mezzi tal-media online Batumelebi u Netgazeti, ġiet arrestata f’Jannar 2025 talli ħadet sehem fi protesti kontra l-Gvern fil-Georgia. F’Awwissu, hija ġiet ikkundannata għal sentejn ħabs għal raġunijiet politiċi. 

Amaglobeli hija l-ewwel ġurnalista mara li ntbagħtet il-ħabs minn mindu l-Georgia kisbet l-indipendenza fl-1991. Bħala difensur tal-libertà tal-espressjoni, Amaglobeli saret persuna tal-moviment ta’ protesta favur id-demokrazija tal-Georgia.

Il-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb

Il-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb huwa l-ogħla distinzjoni tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem. Kull sena mill-1988, il-Parlament jagħtiha lil individwi, gruppi jew organizzazzjonijiet b’rikonoxximent tal-ħidma tagħhom biex jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, il-libertà tal-espressjoni u l-valuri demokratiċi.

Diversi rebbieħa tal-Premju Sakharov kienu rebħu wkoll il-Premju Nobel għall-Paċi. Din is-sena stess, ir-rebbieħa tal-Premju Sakharov 2024 Maria Corina Machado fil-Venezwela ngħatat il-Premju Nobel għall-Paċi 2025. Persuni oħra jinkludu lil Nelson Mandela, Malala Yousafzai, Denis Mukwege u Nadia Mourad, Ales Bialiatski u Oleksandra Matviichuk.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport