Monday, February 2, 2026

Il-Parlament isellem il-memorja tat-Tabib Paul Chetcuti Caruana

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Parlament illela sellem il-memorja tat-Tabib Paul Chetcuti Caruana, li serva bħala Membru Parlamentari f’isem il-Partit Laburista bejn l-1976 u l-1981 u li ħalliena fl-14 ta’ Jannar ta’ din is-sena fl-età ta’ 77 sena.

Fost dawk li fakkru l-memorja tiegħu kien hemm id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg li qal li Dr Chetcuti Caruana kien tabib li serva mijiet ta eluf ta’ familji Mostin u fil-madwar minn ġewwa l-klinika tiegħu.

“Kien jaf lill-pazjenti tiegħu wieħed wieħed, waħda waħda,” qal id-Deputat Prim Ministru. “Kont ġieli ninżel sa ħdejh il-Mosta, liema diskussjonijiet kienu jkunu twal u ħajjin ħafna. Kellu karattru li niddeskrivieh bħala ‘nar tat-tiben’.” 

Id-Deputat Prim Ministru tenna li hu żgur hu li t-Tabib Chetcuti Caruana mhux biss huwa mibki mill-familja tiegħu imma minn ħafna familji u pazjenti li hu tant indokra u ħa ħsieb speċjalment fil-lokalità tal-Mosta. 

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg sostna li Dr Chetcuti Caruana kien tabib, persuna li għażlet il-vokazzjoni tal-kura u s-servizz. Qal li minkejja d-differenzi politiċi li jista’ jkollna, illum hu jum li fih nagħrfu li kull min jagħżel li jagħti sehem minn ħajtu għas-servizz pubbliku, iħalli warajh kapitlu importanti ta’ servizz lejn in-nazzjon. 

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia qal li: “Għandi memorji sbieħ ta’ Dr Chetcuti Caruana. Dejjem ħa ħsieb il-professjoni tiegħu u lill-familja tiegħu. Kien persuna li jemmen f’dak li jagħmel. Kien tabib determinat, popolari ħafna. Meta tanalizza d-diskorsi tiegħu, tinduna kemm kien bniedem li jħares ’il quddiem.”

Il-kelliema taw il-kondoljanzi lill-familjari u ħbieb ta’ Dr Chetcuti Caruana.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport