Wednesday, March 25, 2026

Il-Parlament japprova emendi Kostituzzjonali dwar l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali 

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Parlament approva l-abbozz ta’ liġi b’emendi għall-Kostituzzjoni ta’ Malta, li jittrattaw l-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u li jassigura l-legalità tal-istess uffiċċju.
Dan l-abbozz li tressaq mill-Gvern jirrifletti emenda li kienet ġiet proposta kmieni s-sena l-oħra u ġiet diskussa lbieraħ bi qbil mal-Oppożizzjoni.

L-emendi jġibu l-irwoli tal-Awditur Ġenerali u Deputat Awditur Ġenerali in linea ma’ karigi kostituzzjonali oħra. Dan ifisser li fejn f’każ li ma tkunx tressqet riżoluzzjoni jew ir-riżoluzzjoni ma tiksibx iż-żewġ terzi tal-voti fil-Parlament, il-persuni li jokkupaw l-uffiċċju jibqgħu fil-kariga rispettiva sakemm tinkiseb il-maġġoranza neċessarja.

Din l-emenda għandha l-għan li tassigura li l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali li għandu rwol ċentrali fl-iskrutinju tal-operat tal-Istat, iżda wkoll il-persuna li tokkupa l-irwol ta’ Awditur Ġenerali tpoġġi fuq kumitati importanti, b’mod partikolari dak li għandu x’jaqsam mal-ħatriet tal-ġudikatura, jibqgħu joperaw fl-aħjar interess tal-pajjiż.

Il-Prim Ministru Robert Abela, li fetaħ id-diskussjoni dwar dan l-abbozz, qal li kemm l-Awditur Ġenerali u d-Deputat Awditur Ġenerali fi ftit tal-jiem oħra se jkunu ilhom fil-kariga għall-massimu li tippermetti l-liġi kostituzzjonali u għaldaqstant jekk ma jkunx hemm emenda leġiżlattiva huma ma jkunux jistgħu jservu aktar fil-kariga.

Il-Prim Ministru spjega li din l-emenda mhix titħaddet dwar estensjoni tat-terminu statutorju tagħhom imma qed taħseb għaċ-ċirkostanza ta’ fejn il-membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti ma jilħqux qbil li jkollu ta’ mill-inqas żewġ terzi ta’ min għandu jkun is-suċċessur tagħhom.

“F’din ir-riforma ħadna nota tar-ruling tal-Ispeaker meta ġejna fil-kwistjoni tal-Prim Imħallef. Għalhekk fl-emenda li qed inressqu din id-darba qed naħsbu kemm x’jiġri jekk titressaq riżoluzzjoni li ma ġġibx iż-żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti u saħansitra jekk dik ir-riżoluzzjoni ma titressaqx anke sabiex inġibu li ż-żewġ ċirkostanzi jkollhom il-konsegwenza identika,” tenna l-Prim Ministru.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg qal li l-Oppożizzjoni taqbel li jsir it-tibdil meħtieġ biex l-Awditur Ġenerali jkun jista’ jibqa’ jokkupa l-kariga tiegħu sakemm jinħatar ieħor ġdid. Huwa iżda qal li “ma jistax ikun li nibqgħu nużaw karigi importanti bħal dawn bħala ballun politiku.”

Dr Borg appella biex il-Prim Ministru jsejjaħlu, jiddiskutu u jaslu fi qbil għall-ġieħ nazzjonali kif qal li dejjem għamel u se jibqa’ jagħmel. “Irridu naraw biss x’jista’ jiggwadanja l-pajjiż b’din il-ħatra tant importanti,” qal il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard saħaq li mhux korrett li jingħad li b’xi mod jew ieħor lejlet l-iskadenza tat-terminu tal-Awditur Ġenerali u tad-Deputat Awditur Ġenerali, dan il-Gvern “daqslikieku ħolom b’din l-emenda kostituzzjonali.”

Il-Ministru Attard fakkar kemm lill-Kap tal-Oppożizzjoni kif ukoll lid-Deputat Nazzjonalista Joe Giglio illi f’Mejju tas-sena li għaddiet huwa kien ressaq quddiem il-Parlament abbozz b’emendi kostituzzjonali fis-settur tal-ġustizzja u kienu jinkludu wkoll emenda marbuta mal-Awditur Ġenerali.

“Proprju dak li qed nagħmlu huwa li nressqu mill-ġdid dik l-emenda biex nassiguraw li din il-kariga tiġi in linea ma’ karigi oħra kostituzzjonali li jirrikjedu ż-żewġ terzi u li jassiguraw illi fl-ebda stadju ma l-uffiċċju ma jkun vakat,” tenna l-Ministru.

Wara li l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kostituzzjoni ta’ Malta għadda mill-istadju tat-Tieni Qari, il-Kamra rrisolviet ruħha f’Kumitat fejn l-abbozz għadda wkoll mingħajr emendi.

Sussegwentement ittieħed vot fil-Kamra tar-Rappreżentanti b’rabta ma’ dan l-Abbozz, li għadda b’76 vot favur u xejn kontra.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport