Tuesday, December 3, 2024

IL-PARLAMENT JAPPROVA RIŻOLUZZJONI DWAR IL-BINJA TAL-GWU

… il-vot finali se jittieħed fis-16 ta’ Diċembru li ġej

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ir-riżoluzzjoni mressqa mill-Gvern biex jiġi aġġornat il-kuntratt tal-bini tal-Workers’ Memorial Building ġiet diskussa fil-Parlament u kienet approvata. Madanakollu, il-vot finali se jkun qiegħed jittieħed fis-seduta tas-16 ta’ Diċembru li ġej.

Il-Gvern qiegħed jitlob li jiġi aġġornat dan il-kuntratt wara li kien hemm deċiżjoni tal-Qorti illi stabbiliet li l-General Workers’ Union kellha tibqa’ topera minn din il-binja fil-Belt Valletta.

Fir-riżoluzzjoni qed ikun propost li t-tneħħija ta’ parti mill-kundizzjoni tal-kuntratt emfitewtiku tas-sena 1997 kellha tintlaqa’ a favur ta’ kumpens monetarju mingħand l-unjin lill-Gvern ta’ Malta ta’ €1.8 miljun.

B’żieda ma’ dan, il-GWU hi obbligata li tħallas kumpens għall-okkupazzjoni ta’ dawk iż-żoni li ġew mikrija lil terzi bi ksur tal-kundizzjoni (b). Għalhekk, l-ammont totali dovut mill-GWU se jkun ta’ kważi €2 miljun.

Madanakollu, l-Oppożizzjoni baqgħet tinsisti li ma taqbilx mar-riżoluzzjoni u għalhekk se tivvota kontriha. Id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal li l-Oppożizzjoni qed tagħmel premura li hemm bżonn ta’ responsabbiltà sħiħa fl-amministrazzjoni tal-ħwejjeġ pubbliċi.

Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi, li ressaq ir-riżoluzzjoni, qal li ma jaqbel xejn li l-Gvern qed idur mas-sentenza tal-Qorti kif allegat l-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Huwa żied jgħid li s-sentenza tal-Qorti kulma għamlet ħalliet fit-totalità tagħha l-konċessjoni emfitewtika bil-kundizzjonijiet kif kienu, pero dawk il-kuntratti li sabet ksur fihom kellhom jiġu mħassra. B’danakollu, il-Qorti ħalliet il-konċessjoni ħajja.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi nsista li l-intenzjoni tal-Oppożizzjoni, meta fetħet il-kawża, kienet ċara li riedet tattakka l-konċessjoni nfisha biex il-GWU tispiċċa barra. “Dik kienet l-intenzjoni u t-talba oriġinali ġiet miċħuda mill-Qorti,” huwa żied jgħid.

Huwa tenna li l-GWU se tkun qiegħda tħallas somma ta’ flus ta’ dik il-varjazzjoni fil-kundizzjoni biex il-kuntratt jiġi emendat. Sostna li l-GWU għandha tibqa’ tokkupa dik il-binja u tibqa’ tagħmel ix-xogħol tagħha minn hemmhekk.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi tenna li l-Oppożizzjoni tagħmel l-għażliet iżda l-poplu jinnota l-għażliet kif isiru u jifhem xi jwassal għal deċiżjoni jew oħra.
Ir-riżoluzzjoni ġiet approvata b’danakollu l-Oppożizzjoni talbet vot li għadu jittieħed fis-seduta ta’ nhar it-Tnejn 16 ta’ Diċembru.

Għal din is-seduta parlamentari kien preżenti s-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.

Ekonomija

Sport