Sunday, November 24, 2024

Il-Parlament japprova t-tibdil imressaq mill-Gvern għat-tisħiħ tal-liġi dwar il-ħarsien ambjentali

Aqra wkoll

Abbozz tal-Gvern għat-tisħiħ tal-Att dwar il-Ħarsien Ambjentali, b’iżjed parteċipazzjoni mill-pubbliku u l-għaqdiet ambjentali, u aktar trasparenza u effiċjenza fid-deċiżjonijiet ambjentali, ġie approvat mill-Parlament.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli, li ppreżentat dan l-abbozz t’emendi fil-liġi f’Mejju li għadda, esprimiet id-determinazzjoni tagħha li tiżgura li dan it-tibdil jitwettaq b’mod effettiv fix-xhur li ġejjin. “Dawn l-emendi jkomplu jagħtu saħħa akbar lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi f’pajjiżna, filwaqt li qed nagħmlu pass ieħor ’il quddiem fl-impenn kollettiv tagħna għal ambjent iżjed sostenibbli f’Malta u Għawdex.”

“B’dan it-tibdil, qed insaħħu d-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi. Qed nagħtu lil kulħadd, inkluż l-għaqdiet ambjentali, l-opportunità li jipparteċipaw fid-deċiżjonijiet ambjentali tal-Awtorità, filwaqt li niżguraw li dawk kollha affettwati b’dawn id-deċiżjonijiet ikollhom aċċess aħjar għall-ġustizzja. Irridu li kulħadd jikkontribwixxi għal ambjent aħjar, mhux biss bl-azzjonijiet u l-għażliet tagħna fid-dar, l-iskola u x-xogħol, iżda wkoll billi b’mod attiv nikkontribwixxu fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali importanti. Fl-aħħar mill-aħħar, ilkoll kemm aħna rridu nagħtu sehemna għall-ħarsien tal-ambjent,” qalet il-Ministru.

Permezz tal-emendi li ġew approvati, aktar laqgħat tal-Bord tal-ERA se jkunu miftuħin għall-pubbliku, li jiżdiedu ma’ laqgħat dwar Studji tal-Impatt Ambjentali u permessi tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali. Il-liġi l-ġdida se tippermetti l-parteċipazzjoni tal-pubbliku u għaqdiet ambjentali f’aktar deċiżjonijiet tal-Bord tal-ERA. Dan qed isir ukoll biex jiżdiedu l-kontabilità u t-trasparenza f’dawn id-deċiżjonijiet.

L-abbozz li ressaq il-Gvern ser jagħti wkoll is-saħħa lill-ERA li toħroġ ordnijiet ta’emerġenza għal azzjoni diretta li twaqqaf irregolaritajiet li jistgħu jikkawżaw theddid imminenti lill-ambjent, mingħajr il-bżonn li tistenna 15-il jum, hekk kif titlob il-liġi preżenti.

It-tibdil tal-Att dwar il-Ħarsien tal-Ambjent se jniedi wkoll Kummissjoni Ambjentali mmexxija minn membru tal-Bord tal-ERA, bis-sehem ta’ rappreżentant tal-għaqdiet ambjentali. Il-Bord tal-ERA se jkun jista’ jiddelega wħud mid-deċiżjonijiet tiegħu lil din il-Kummissjoni, biex b’hekk tiżdied l-effiċjenza sabiex ċertu applikazzjonijiet, bħal pereżempju petizzjonijiet dwar multi amministrattivi, jiġu determinati f’inqas ħin. Il-leġiżlazzjoni ġdida se tistabbilixxi wkoll proċeduri għall-ħidma tal-Bord tal-ERA u l-Kummissjoni l-ġdida.

Sport