Sunday, May 19, 2024

Imħabbar l-ewwel vjaġġ turistiku fl-ispazju

Wara t-traġedja tat-Titan is-sinjuri se jittantaw “riskju” ieħor… minn qiegħ il-baħar għal barra mill-atmosfera

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-aġenzija “Virgin Galactic” ħabbret l-ewwel titjira turistika fl-ispazju tagħha. Fiha, tliet persuni li jifilħu u lesti jħallsu iktar minn kwart ta’ miljun ewro, se jmorru għal avventura unika ġdida ppjanata għall-10 ta’ Awissu li ġej. Dan il-vjaġġ ikkonsidrat bħala wieħed ta’ ċertu riskju, tħabbar proprju ftit ġimgħat wara t-traġedja tat-Titan, is-sottomarin turistiku li imploda meta kien fi triqtu lejn il-vapur Titanic. F’dan il-każ ukoll, il-biljetti kienu jiswew l-eluf ta’ ewro u l-passiġġieri kienu nies li setgħu jmorru għas-sempliċi raġuni li kienu sinjuri.

Issa, wara vjaġġ “impossibbli” f’qiegħ l-oċean, il-bniedem qiegħed jittanta billi jmur fl-ispazju. Dan il-vjaġġ mill-“Virgin Galactic”, bl-isem ta’ “Galactic 02”, huwa l-ewwel li se jsir b’passiġġieri turisti. Huwa rrapportat li oriġinarjament it-tliet klijenti kienu ħalsu €153,000, però din is-sena l-istess kumpanija għolliet il-prezz għal €275.5 miljun, kważi d-doppju.

L-ismijiet tal-membri tal-ekwipaġġ għadhom mhumiex magħrufa u t-titjira mistennij li tixxandar live. Fl-ewwel missjoni, il-“Galactic 01”, kienu ħadu sehem biss tliet membri tal-ekwipaġġ u l-vjaġġ li dam 90 minuta, kien sar bi prova. Dan kien telaq minn Spaceport Amerika fin-New Mexico.

Il-vjaġġ turistiku spazjali tax-xahar id-dieħel mistenni li jitmexxa bl-istess mod. L-ajruplan rokit magħruf bħala Unity, se jkun magħqud mal-vettura spazjali prinċipali, dik magħrufa bħala l-“mothership”, li jisimha VMS Eve.

Eve hija tip ta’ ajruplan tal-ġarr b’saħħtu li se jieħu lil Unity barra mill-atmosfera u jitilqu hemm. Imbagħad Unity mistenni jixgħel il-makni tiegħu sakemm jidħol fl-ispazju. Il-quċċata ta’ din l-avventura mistennija li tintlaħaq meta l-vettura spazjali tiftaħ il-ġwienaħ tagħha u toqgħod ddur bil-mod fl-ispazju fejn tagħti lok biex dawk abbord, għal ftit minuti, jesperjenzaw l-assenza tal-gravità kif ukoll igawdu xeni mill-isbaħ tad-dinja li jħallu warajhom. Ftit minuti spettakolari li ftit nies, almenu għalissa, jistgħu igawduhom.

Il-“Virgin Galactic” qalet l-interess pubbliku għall-vjaġġi fl-ispazju huwa kbir tant li diġà għandhom lista ta’ 800 klijenti li qegħdin jistennew biex jivvjaġġjaw magħhom.

Sport