B’rispett lejn il-memorja tal-Membru Parlamentari Robert Arrigo, li miet fl-aħħar sigħat, ġiet sospiża l-aġenda parlamentari li kienet skedata li ssir illum. Il-Parlament kollu ngħaqad biex isellem il-memorja tiegħu, biż-żewġ naħat tal-Kamra, flimkien mal-Ispeaker Anġlu Farrugia, jibagħtu l-kondoljanzi sinċiera tagħhom lill-familjari ta’ Arrigo. Dan filwaqt li nżammet ukoll minuta silenzju, b’rispett lejn il-memorja tiegħu.
Il-Prim Ministru Robert Abela beda biex qal li ma kinitx faċli għalih li jitkellem dwar Robert Arrigo. Dan għaliex il-ħbiberija ta’ bejniethom twieldet lil hinn mill-politika. Qal li saru jafu lil xulxin fl-2017 meta kien daħal għall-ewwel darba fil-Parlament u r-rispett li kien juri lil dawk li ġew eletti għall-ewwel darba kienet xi ħaġa li tassew laqtitu.
Abela qal li ftit tax-xhur ilu, saħħet Arrigo bdiet sejra lura. “Niftakarni nitkellmu dwar is-sajf. Qalli li dan għalih kien ifisser chemo. Però qatt ma qata’ qalbu u qal li dak li kellu jegħlbu. Diċembru għalih kien xahar importanti, il-50 anniversarju tiegħu fit-turiżmu. Sfortunatament dak it-tragward ma wasalx għalih.”
Abela qal ukoll li waqt il-pandemija, fl-aktar mumenti fejn kienet tinħass il-pressjoni fuq it-turiżmu, Arrigo kien wieħed mill-aktar persuni li fih kien isib soljev u komfort meta kienu jiġu biex jieħdu deċiżjonijiet relatati mat-turiżmu. Hawn sostna li: “Arrigo qatt ma tana parir wieħed motivat politikament. Dejjem tana parir fl-aħjar interess tal-industrija.”
Huwa kompla jgħid li xi ħaġa li laqtitu ħafna fih f’dawn l-aħħar xhur kienet li konsistentement kien ikellmu dwar każijiet soċjali. Waqt kampanja elettorali, kien jibgħatli n-numri ta’ każijiet u kien jgħidli biex nagħtuhom l-għajnuna. Sal-10 ta’ Ottubru stess konna għadna qed nitkellmu fuq ċirkostanza ta’ ħtieġa soċjali.
“Dak kien Robert Arrigo. Għamel suċċessi fil-ħajja personali imma baqa’ konsistentement viċin iż-żgħir u l-batut. Biex jara li l-inqas privileġġjati fis-soċjetà tagħna jirċievu l-għajnuna. Dalgħodu l-pajjiż tilef ġentlom li għamel suċċess fil-ħajja professjonali imma li kellu ruħ soċjali verament kbira, kellu għal qalbu l-qasam sportiv, irnexxa fil-qasam politiku.”
Il-Prim Ministru temm jiddeskrivi lil Arrigo bħala bniedem umli, sensittiv ħafna għat-tbatijiet ta’ ħaddieħor u li ma ħalliex is-suċċess tiegħu b’xi mod jitlagħlu għal rasu.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li Robert Arrigo kien bniedem ġentlom u li jgħdiha kif iħossha. Qal li fih kienet tispikka s-sens kbir ta’ lealtà mhux biss lejn il-Partit Nazzjonalista imma lejn l-elettorat.
“Robert Arrigo kien bniedem li kien jgħidli dwar l-ammont ta’ house visits li kien jagħmel. Huwa kien baqa’ konsistentement jara kif se jgħin lil ħaddieħor. Għen ukoll finanzjarjament. Hu u l-familja tiegħu għenu lil ħafna u ħafna nies. Dan is-sens ta’ dover kien għadu għandu sal-aħħar,” temm jgħid Grech.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia ddeskriva lil Robert Arrigo bħala bniedem pożittiv u ġentlom. Qal li rrispettivament mit-twemmin politiku lil Robert ħabbu kulħadd. “Ħabbitu Malta u għamel il-ġid fl-aħjar interessi tas-soċjetà Maltija.”