Wednesday, October 2, 2024

Il-partiġġjaniżmu mhux postu fis-soċjetà u kulħadd jeħtieġ jesprimi ruħu b’rispett – il-PM intervistat fil-programm Bil-Fatti

Aqra wkoll

Il-Prim Minisitru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li kulħadd għandu dritt għal-libertà tal-espressjoni dment li ma jweġġa’ lil ħadd.  Sostna li t-tribaliżmu u l-partiġġjaniżmu m’għandhomx post iżjed fis-soċjetà tagħna, tant li qal is-soċjetà qed tirrifjuta lil min jipprova jkisser lin-nies b’allegazzjonijiet foloz.  

Intervistat minn Claudia Cuschieri fil-programm Bil-Fatti fuq ONE, il-Prim Ministru qal li fil-każ ta’ malafama fil-konfront tad-deputat Laburista Carmelo Abela, il-Qorti sabet li ma kienet teżisti ebda bażi fattwali konkreta. Dwar il-qlajja ta’ mewt f’Mater Dei, Dr Abela qal li l-inkjesta sabet li ma kienx hemm negliġenza mill-awtoritajiet tas-saħħa, bil-Qorti tappella għat-tisħiħ tal-mekkaniżmi kontra min jagħmel allegazzjonijiet foloz. 

Il-Prim Ministru qal li m’għandhiex tiġi ċċensurata opinjoni bħalma ġara fil-każ tal-Moviment Graffiti fuq il-kampus tal-Università, u enfasizza li taqbel jew ma taqbilx ma’ din l-NGO, għandha titħalla tesprimi l-opinjonijiet tagħha b’rispett. 

Mistoqsi dwar il-Budget, il-Prim Ministru qal li l-Budget mhux se jkollu taxxi ġodda u fisser kif id-deċiżjonijiet li se jittieħdu jħarsu lejn il-ħolqien tal-ġid u t-tqassim ġust tiegħu.  Qal li se tingħata prijorità assoluta lill-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. 

Dr Abela qal li t-tiġdid tal-pajjiż qed isir b’mod maħsub, billi tkompli tissaħħaħ l-ekonomija, jiġi attirat l-investiment, ikunu nċentivati l-familji u n-negozji, u fl-istess waqt il-Gvern jagħfas fuq il-kwalità li tagħti serenità u trankwillità lin-nies.

Suġġett ieħor trattat fl-intervista kien l-edukazzjoni, bil-Prim Ministru jgħid li dan huwa pilastru li qed isir ħafna investiment fih, kemm fl-istudenti, kif ukoll fl-edukaturi li daħlu għal sena skolastika ġdida b’żidiet sostanzjali fil-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom wara l-issiġillar tal-ftehim kollettiv fis-sajf li għadda. 

Dwar is-sitwazzjoni tal-MCAST, Dr Abela qal li l-kwistjoni jeħtieġ tkun żblokkata minnufih, u appella li tinstab soluzzjoni permanenti u sostenibbli li tagħti dak li ħaqqhom il-letturi, u fl-istess waqt l-istudenti m’għandhomx jibqgħu ballun fit-tilwima.

Il-Prim Ministru qal li l-aħħar jiem kienu impenjattivi għal pajjiżna fil-komunità internazzjonali u rrefera għall-messaġġi ta’ paċi u l-bżonn tad-djalogu li għadda fid-diskors tiegħu fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York.  Dan l-appell ta’ Dr Abela sar fl-isfont tal-eskalazzjoni tas-sitwazzjoni li qed tiżviluppa fil-Lvant Nofsani, li nfirxet lil hinn mit-territorju Iżraeljan.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport