Wednesday, October 2, 2024

“Disposti nitkellmu dwar riforma favur standards ogħla fis-settur turistiku” – il-PM f’laqgħa ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-Budget mal-MHRA

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-gvern fiż-żmien li ġej se jkun dipost li jitkellem dwar riforma favur standards ogħla fis-settur turistiku.

Dr Abela qal dan hekk kif kien qed jindirizza laqgħa oħra ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-Budget, din id-darba mal-Assoċċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA.

Fil-fatt, il-Prim Ministru sostna dan hekk kif innota anke l-prinċipju tas-sostenibbiltà li wasslet l-istess MHRA fid-dokument tagħha bi proposti għall-Budget għas-sena d-dieħla.

Il-Prim Ministru tkellem dwar kif b’hekk, din il-konverġenza se sservi tajjeb bħala bażi soda għal diskussjonijiet importanti li issa għandhom iseħħu sabiex is-settur turistiku f’pajjiżna jkompli jiġi msaħħaħ b’mod għaqli fi sfond ta’ prijoritajiet ġodda f’pajjiżna.

Fil-fatt, wara żjara li anke għamel ġewwa l-lukanda ewlenija Corinthia f’Ħ’Attard, fejn il-Prim Ministru ġie spjegat investiment sostanzjali ta’ riġenerazzjoni li sar f’partijiet minnha, fosthom f’Villa Corinthia, id-daħla tal-lukanda u anke numru ta’ kmamar, waqt il-laqgħa mal-MHRA Dr Abela rrimarka dwar l-importanza ta’ dan l-impenn favur titjib kontinwu fis-settur turistiku inġenerali b’enfasi lejn il-kwalità u mhux sempliċiment in-numru ta’ wasliet.

Il-Prim Ministru nnota wkoll li n-nefqa mit-turisti hi pożittiva ħafna fl-aħħar sena, b’din huwa mistenni li tibqa’ tiġi sostnuta anke frott strateġija b’saħħitha mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Qal li mbagħad kien hemm żviluppi notevoli fis-settur kontra l-istaġjonalità, b’wasliet ta’ turisti mhux biss fl-eqqel tas-settur. Dr Abela tenna l-impenn tal-gvern li issa jkun hemm aktar ħidma sabiex ikun attirat lejn pajjiżna turiżmu ta’ kwalità li filwaqt li jħalli introjtu b’saħħtu, jaqdi aħjar ir-realtajiet u l-bżonnijiet ta’ pajjiżna.

“Filwaqt li rridu nibqgħu nikkonsolidaw is-suċċess li ksibna f’dan is-settur issa ejja nħarsu ’l quddiem flimkien biex nagħmluh wieħed aktar sostenibbli u li jkollu standards ogħla. Diġà bdejna, għamilna dan permezz tal-iskills pass però rridu nkomplu. L-iskills pass kienet riforma li ħdimniha flimkien. Żgur ma kinitx triq faċli imma wasalna bid-djalogu. Hemm ħafna iżjed xi jsir. Miftuħin għad-diskussjoni, impenjati li nieħdu d-deċiżjonijiet u nimplimentaw,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru għal din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni kien hemm il-Ministri Owen Bonnici, Anton Refalo, Byron Camilleri, Clayton Bartolo, Clyde Caruana u Chris Bonett, is-Segretarji Parlamentari Andy Ellul, Alicia Bugeja Said  u Glenn Bedingfield u l-Kap tas-Segretarjat fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport