Wednesday, October 9, 2024

Immaniġġjar tal-iskart aktar effettiv: proġett innovattiv li jimmassimizza l-użu tal-art fl-EcoHive mingħajr ma tittieħed art ġdida

Aqra wkoll

Proġett innovattiv immexxi mill-WasteServ fejn landfill li kienet tintuża għal ħażna tal-iskart mill-plastik imħallat ġiet imħaffra b’mod vertikali biex tesa’ iżjed, mingħajr ma tintmess il-footprint eżistenti.

Din l-inizjattiva tirrifletti l-prinċipju li qed iħaddan il-Gvern għall-protezzjoni t’art agrikola filwaqt li l-pajjiż igawdi minn anqas miżbliet u aktar spazji miftuħa.

Din il-landfill, li issa tkopri medda ta’ 30,000 metru kwadru, tħaffret sa fond ta’ 55 metru. Dan huwa pass kbir biex jiġi mmassimizzat l-użu tal-art biex b’hekk ma titteħidx aktar art agrikola.

Fi żjara organizzata għall-ġurnalisti, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, Richard Bilocca, spjegaw il-progress li sar. Dan il-proġett huwa parti minn inizjattiva usa’ biex tissaħħaħ l-infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart ta’ Malta filwaqt li nippromwovu l-użu sostenibbli tal-art.

“Filwaqt li qed ninvestu f’infrastruttura ġdida, qed naraw ukoll li nimplimentaw soluzzjonijiet innovattivi. Fejn fil-passat kienet tittieħed aktar art agrikola għall-miżbliet, issa d-direzzjoni hi ma titteħidx aktar art. Qed naraw li nimmassimizzaw il-volum tal-landfill eżistenti biex nestendu l-ħajja tagħha u nipproteġu s-settur agrikolu. Dan huwa pass importanti għas-sostenibbiltà,” qalet il-Ministru Dalli.

Għall-kuntrarju tal-miżbliet tradizzjonali, din il-landfill ġiet skavata b’mod vertikali biex jiġi mmassimizzat il-volum meta mqabbel ma’ miżbla tradizzjonali tal-istess footprint u għoli. Meta titlesta, din il-landfill se jkollha volum totali ta’ madwar 953,000 metru kubu.

Sabiex tkompli bl-impenn tagħha favur is-sostenibbiltà ambjentali, WasteServ rat li l-materjal kollu skavat minn dan il-proġett jerġa’ jintuża mill-ġdid fl-industrija tal-kostruzzjoni biex b’hekk ma ġie ġġenerat l-ebda skart matul il-proċess.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, Richard Bilocca, enfasizza l-importanza ta’ dan il-proġett. “WasteServ qed taqdi rwol kruċjali fil-ħarsien tal-ambjent li jippermetti t-tranżizzjoni lejn ekonomija iktar ċirkolari. Ninsabu impenjati biex nimmodernizzaw is-settur tal-immaniġġjar tal-iskart filwaqt li nħarsu l-art agrikola.”

Ladarba tkun bdiet topera, din il-landfill se tkun qed tintuża biex fiha jmur l-materjal li jifdal fl-aħħar tal-proċess tal-waste-to-energy biex b’hekk inkomplu nikkontribwixxu għal soluzzjonijiet aktar sostenibbli fejn jidħol l-immaniġġjar tal-iskart.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport