Friday, December 27, 2024

Il-partit fil-Gvern tas-Serbja jiddikjara rebħa fl-elezzjonijiet parlamentari

Aqra wkoll

Il-President Serb Aleksandar Vucic ħabbar li l-partit tiegħu rebaħ l-elezzjonijiet parlamentari fil-pajjiż b’maġġoranza kbira.

Il-Partit Progressiv Serb, jew kif inhu magħruf SNS, huwa mistenni li jirbaħ kważi 47% tal-voti. 

Il-partiti tal-Oppożizzjoni kisbu 23.1% tal-voti, bl-akbar tama tagħhom li hi li jkunu ta’ sfida għall-partit ta’ Vucic f’Belgrad fl-elezzjonijiet lokali.

L-ewwel riżultati mit-8,723 post tal-votazzjoni tas-Serbja kkonfermaw il-vantaġġ tal-partit fil-Gvern, għalkemm fl-elezzjoni fil-kapitali stess id-distakk qed ikun imbassar li se jkun ferm inqas. 

Is-Sur Vucic iddikjara li l-partit tiegħu qed jimmira li jikseb 127 siġġu fl-Assemblea Nazzjonali ta’ 250 siġġu. “Xogħli huwa li nagħmel dak kollu li nista’ sabiex nassigura maġġoranza assoluta,” qal Vucic meta kien qed jindirizza lill-partitarji, għalkemm hu stess ma kienx qed jikkontesta għall-elezzjoni. 

L-SNS ilu fil-poter sa mill-2012 iżda fl-aħħar tliet snin saru tliet elezzjonijiet. Minbarra li jivvutaw għall-Parlament, matul il-jum tal-Ħadd is-Serbi kienu qed jiddeċiedu min kellu jieħu kontroll ta’ 65 awtoritajiet lokali. 

Ekonomija

Sport