Friday, December 13, 2024

Il-Partit Laburista dejjem żamm kelmtu fuq it-taxxi

Stefan Zrinzo Azzopardi
Stefan Zrinzo Azzopardi
Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar Ii fil-Budget li jmiss, persuni meqjusa bħala middle class, se jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ taxxa. Miżura li se tħalli aktar flus fil-bwiet ta’ dawn il-familji.

Deċiżjoni li skont il-MInistru Clyde Caruana se tħalli madwar €100 miljun fl-ekonomija. Din hija għażla finanazjarja b’saħħitha li se jkun qed iwettaq il-Gvern. 

Għażla li se tolqot numru kbir ta’ familji li se jibbenefikaw u jintlaqtu pożittivament minn din il-miżura. Miżura li se tkun qed titwettaq minn meta jibdew jitħaddmu l-iniżjattivi li se jitħabbru fil-budget li ġej fi ftit tal-ġimgħat oħra. 

Il-Kap tal-Oppożiżżjoni fl-aħħar jiem wiegħed li jagħti tnaqqis ta’ taxxa lil kulħadd u fejn ma jkunx hemm tnaqqis ta’ taxxa fuq id-dħul ikun ħemm ħemm għotijiet ta’ flus lil min ma jibbenefikax mit-tnaqqis. Tajba din. Bernard Grech qed iwiegħed dak li dan il-gvern ilu iwettaq sa mis-sena 2013.

Gvern li fl-aħħar snin, mingħajr ma żied il-piż tat-taxxa kien f’pożiżżjoni li jsaħħaħ il-finanżi tal-pajjiż, isostni tant iniżjattivi ġodda, ta tant għajnuniet lil familji, żamm il-prezz tal-enerġija stabbli fost ħafna inizjattivi importanti oħra. 

Filwaqt li Bernard Grech qed iwiegħed dak li l-Gvern immexxi mill-Partit Laburista diga qed iwettaq, tajjeb li nfakkru ftit f’hiex sarrfu l-wegħdi tal-partit Nażżjonalista fl-aħħar snin.

Għad hawn min jiftakar il-wegħda ewlenija tal-PN fl-eleżżjoni tas-sena 2008 dwar it-tnaqqis tal-inċome tax. B’tant solennità il-GonżiPN kien ħabbar li se jnaqqas ir-rata tat-taxxa fuq id-dħul. Kemm pompa u proponimenti sbieħ dwar din il-miżura. 

Din il-wegħda ma tantx kienet torbot għaliex ftit taż-żmien wara, minflok tnaqqis ta’ taxxa, il-gvern tal-PN beda jintroduċi miżuri ta’ awsterità. Kellu ħila kbira biex jagħti raġunijiet għaliex il-wegħda tat-tnaqqis tat-taxxa ma kellhiex isseħħ.

Daqqa għax kienu jaraw il-maltemp fuq ix-xefaq, daqqa għaliex il-prezz taż-żejt kien qed jogħla, daqqa ħaġa u daqqa oħra. Il-fatt jibqa’ li dak li wiegħed il-PN ma twettaqx mill-PN. Il-miżura tat-tnaqqis tat-taxxa twettqet minn gvern ġdid Laburista ftit xhur wara li ngħata l-ewwel mandat fl-2013.

Ta’ min wieħed ifakkar li l-miżura tat-tnaqqis ta’ taxxa kienet reġgħet feġġet fid-diskors tal-budget għas-sena 2013. Il-budget li ma kienx għadda mill-Parlament għaliex il-Prim Ministru Gonżi kien tilef il-maġġoranza. 

Dan huwa l-istil tal-Partit Nażżjonalista. Iwiegħed ħafna qabel l-elezzjoni. Jara kif jikkonvinċi u jikseb l-appoġġ tan-nies. Kif jikseb l-appoġġ tan-nies, bħal donnu jinbidel u juri l-vera wiċċ tiegħu.

Dak li jkun wiegħed ipoġġih fil-ġenb u jsib ir-raġunijiet għaliex ma jwettaqx dak li jkun wiegħed. Din l-attitiduni tibqa’ hekk sakemm terġa’ toqrob elezzjoni u minn hemm jerġa’ jipprova jagħti xi ħaġa lin-nies biex jerġa’ jara kif jikseb l-appoġġ. 

Filwaqt li l-miżura ta’ tnaqqis ta’ taxxa imħabbra se tkun qed titwettaq fil-budget li ġej, il-wegħda tal-PN se tkun waħda minn sensiela li se nkunu qed nisimgħu issa u fiż-żmien li ġej.

L-istorja tgħallimna li għall-PN l-aktar wegħda li torbot wara li tgħaddi l-elezzjoni ġija li minn l-għada li l-PN jikseb il-poter, minn dak li jkunu qalu ma jkun hemm xejn.

Ir-riklam tal-prodotti finanzjarji s-soltu jagħlaq bil-kliem li l-passat mhux garanzija għall-futur imma l-istorja tgħallimna li fejn jidħlu wegħdi elettorali, il-passat huwa l-mera ta’ dak li se jsir fil-futur. 

Ekonomija

Sport