Tuesday, December 24, 2024

Il-Partit Laburista jippreżenta s-sitt grupp ta’ parteċipanti tal-programm LEAD

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Partit Laburista ippreżenta s-sitt grupp ta’ parteċipanti tal-programm LEAD fejn għal darb’oħra numru sabiħ ta’ nisa u tfajliet se jkunu qed jipparteċipaw f’dan il-programm f’din is-sena li ġejja, liema programm għandu l-għan li jkompli jżid is-sehem tal-mara fil-politika. Fil-fatt dan il-programm kompla jissaħħaħ bi 22 mara oħra li ġejjin minn oqsma tas-soċjetà differenti u b’esperjenzi differenti tal-ħajja.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Miriam Dalli, il-ko-ordinatriċi ta’ dan il-programm, qalet li dawn in-nisa, u l-esperjenzi tagħhom, huma xhieda ta’ Partit Laburista ħaj. “PL li jilqa’ fi ħdanu persuni differenti u individwi li kollha għandhom xi ħaġa x’jikkontribwixxu. Għalhekk qegħdin hawn illum, għaliex nemmnu fihom u nemmnu fl-abiltajiet taghom filwaqt li rridu nħeġġuhom u ngħinuhom biex isaħħu dawn l-abiltajiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom,” qalet Dalli.

Spjegat li l-età tal-applikanti tvarja fejn l-iżgħar parteċipanta din is-sena hija tfajla ta’ 16-il sena. Qalet li kif jiġri f’kull programm, wara s-sejħa għall-applikazzjonijiet, saru l-intervisti minn bord apposta. 

LEAD huwa programm differenti minn programmi oħra fil-politika fejn il-parteċipanti jkollhom iċ-ċans jiddibattu flimkien u jitgħallmu kif jitkellmu fil-pubbliku, filwaqt li joffri wkoll inizjattivi oħra bħalma huwa l-mentoring. 

Dan huwa programm maħsub biex il-parteċipanti jiksbu ħiliet ġodda li jkunu qed jgħinuhom mhux biss fil-ħajja politika imma anke fuq il-post tax-xogħol u fi rwol ta’ leadership.

Minn meta tnieda dan il-proġett kien hemm madwar 200 parteċipanta fejn uħud minnhom komplew bil-ħajja politika tagħhom fil-kunsilli u hemm ukoll kandidati għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Il-Ministru Dalli qalet li dan il-programm jikkumplimenta wkoll il-viżjoni tal-PL li hija dik ta’ parteċipazzjoni fl-ogħla istituzzjonijiet tal-pajjiż. Qalet li meta ġiet varata l-ewwel edizzjoni kellhom sfida fejn ħadmu b’aktar kuraġġ biex jaraw parteċipazzjoni usa ta’ nies fil-politika nazzjonali u parteċipazzjoni ikbar ta’ nisa fl-elezzjonijiet. Żiedet tgħid li minn dakinhar raw żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali iżda dan ma jfissirx li waslu għaliex illum fi kliemha għandhom miri ambizzjużi fejn iridu rappreżentanza ugwali fil-parlament u għalhekk qed ikomplu jaħdmu biex jilħqu dik il-mira.

Minn naħa tagħha, il-President tal-PL Ramona Attard qalet li l-programm Lead huwa għodda oħra biex jattwa il-fatt ta’ kemm il-Partit Laburista huwa moviment li għandu l-bibien tiegħu miftuħin għal kulħadd. “Jekk bħala mara tixtieq u temmen li  għandek x’toffri lill-partit, iżda aktar minn hekk lill-pajjiż, allura l-PL huwa l-partit li inti trid timmilita fih. Jekk trid il-bidla f’pajjiżna, il-PL huwa l-uniku partit f’pajjiżna li huwa partit progressiv, liberali u li dejjem iġib il-bidla,” qalet Attard.

Minn naħa tagħha, is-Segretarju tal-Eżekuttiv Nazzjonali tal-PL, Catherine Fenech bi pjaċir qalet li hija prodott ta’ dan il-programm, liema programm mhux intenzjonat biss għal min hu ġdid fil-ħidma politika. Stqarret li l-programm LEAD kien strumentali biex tikseb il-ħiliet u titgħallem iżżewweġ l-entużjażmu tal-lealtà, it-twemmin fil-prinċipji tal-PL, it-tkebbis tal-imħabba lejn il-Partit, flimkien mal-professjonalità meħtieġa f’kull ħidma li tiġi avdata fiha. 

Ekonomija

Sport