Saturday, June 20, 2026

Il-Partit Laburista jżur il-ħidma tal-entitajiet biex il-Maltin u t-turisti jkollhom bajjiet nodfa, siguri u aċċessibbli

Aqra wkoll

Delegazzjoni tal-Partit Laburista mmexxija mid-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba u l-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Leonid McKay żaret ir-Ramla tal-Mixquqa (Golden Bay) sabiex tiltaqa’ mal-ħaddiema u l-entitajiet involuti fil-ġestjoni u l-manutenzjoni tal-bajjiet matul l-istaġun bieżel tas-sajf.

Matul iż-żjara, Dr Alex Agius Saliba rringrazzja lill-ħaddiema kollha li ta’ kuljum jagħtu s-sehem tagħhom biex il-bajjiet Maltin jibqgħu nodfa, siguri u ta’ kwalità għolja kemm għall-Maltin u anke għat-turisti li jagħżlu lil Malta għall-vaganzi tagħhom. Din hija wkoll l-unika bajja f’Malta li fiha huwa projbit it-tipjip, filwaqt li hija wkoll attrezzata biex tkun aċċessibbli għall-persuni b’diżabiltà.

Huwa sostna li, issa li beda l-istaġun tas-sajf u n-numru ta’ turisti mistenni jilħaq il-quċċata tiegħu, kien importanti li l-Partit Laburista juri l-apprezzament tiegħu lejn dawk il-ħaddiema li jaħdmu bla waqfien biex il-bajjiet jibqgħu fl-aqwa kundizzjoni tagħhom. Agius Saliba rrefera wkoll għall-fatt li Malta għandha numru sostanzjali ta’ bajjiet li jgawdu rikonoxximent internazzjonali permezz tal-programm Blue Flag, filwaqt li faħħar il-ħidma tal-entitajiet kollha involuti, fosthom il-beach supervisors tal-Awtortià Maltija tat-Turiżmu, il-ħaddiema ta’ Clean Malta, Red Cross lifeguards u dawk responsabbli mill-monitoraġġ tal-kwalità tal-ilma fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa.

Preżenti għaż-żjara kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta (MTA), Carlo Micallef, li spjega kif il-ħidma tal-Awtorità ma tieqafx mal-promozzjoni ta’ Malta barra minn xtutna, iżda tinkludi wkoll il-provvediment ta’ servizzi u infrastruttura li jiżguraw esperjenza pożittiva għall-viżitaturi.

Micallef qal li l-MTA tinvesti kontinwament fil-ġestjoni tal-bajjiet permezz ta’ servizzi bħall-lifeguards, beach supervisors, faċilitajiet għall-aċċessibbiltà u manutenzjoni kontinwa tal-bajjiet. Huwa spjega wkoll kif dawn is-servizzi issa qed jiġu offruti fuq perjodu itwal tas-sena sabiex jirriflettu t-tkabbir kontinwu tat-turiżmu, partikolarment fix-xhur tax-xitwa.

Min-naħa tiegħu, Raymond Desira minn Clean Malta spjega kif il-ħaddiema tal-indafa jkunu preżenti kuljum fuq il-bajjiet sabiex jiżguraw livell għoli ta’ ndafa u manutenzjoni. Huwa qal li l-ħidma tinkludi tindif tar-ramel, ġbir ta’ skart u manutenzjoni tal-faċilitajiet, filwaqt li ssir koordinazzjoni kontinwa mal-MTA sabiex jiġu protetti wkoll żoni sensittivi mill-aspett ambjentali, fosthom dawk fejn ikun hemm il-bejtiet tal-fkieren.

Ir-Ramla tal-Mixquqa hija fost it-13-il bajja f’Malta u 3 f’Għawdex li jgawdu l-istatus prestiġjuż tal-Blue Flag. Dan ir-rikonoxximent internazzjonali jingħata lill-bajjiet li jilħqu standards għoljin fil-ġestjoni ambjentali, is-sigurtà, l-aċċessibbiltà u l-kwalità tal-ilma.

Il-Partit Laburista jilqa’ l-investiment kontinwu fil-faċilitajiet, is-servizzi u l-protezzjoni ambjentali, u rringrazzja lill-entitajiet kollha li qed iwettqu xogħol bla heda sabiex il-bajjiet Maltin ikomplu joffru esperjenza ta’ kwalità għolja għall-pubbliku kollu matul is-sena.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport