Wednesday, July 24, 2024

“Il-Partit Nazzjonalista għandu jkun l-għażla tal-poplu”

- Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, semma’ u kkritika l-għajnuna f’ċekkijiet li rċevejna f’dawn iż-żminijiet diffiċli ta’ inflazzjoni fuq skala dinjija. Grech għal darb’oħra ħa l-okkażjoni biex jinsisti li l-Partit Nazzjonalista għandu jkun l-għażla tal-poplu u dan fid-dawl tal-elezzjonijiet li ġejjin – kemm dawk tal-Kunsilli Lokali, kif ukoll dawk tal-Parlament Ewropew.

Fid-diskors imqanqal tiegħu il-Kap tal-PN insista li “jekk verament tħobb lill-pajjiżek, ivvota lill-PN” u dan bl-agrument li “il-PN huwa l-partit li qiegħed jagħmel differenza diġà fl-oppożizzjoni, aħseb u ara meta jitla’ fil-Gvern”. Hawn Grech stieden għall-parteċipazzjoni ta’ kulħadd fil-votazzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju li ġej fejn insista fuq kollox li jemmen li l-poplu Malti u Għawdxi qiegħed jiġi wiċċ imb’wiċċ ma’ dik li huwa ddeskriva bħala “l-akbar differenza bejn il-PL u l-PN” bl-ewwel wieħed, skont huwa, “iqarraq bina” mentri l-partit tiegħu “bil-fatti dejjem tak li dejjem wiegħed”.

Il-Kap tal-PN uża attakk wara l-ieħor kontra l-Prim Ministru Robert Abela bil-ħsieb li jipprova jikkonvinċi l-elettorat Malti jivvota lill-kandidati tal-PN. Dan it-tkarrib għall-voti sar lil kulħadd, inklużi lil-Laburisti stess. “Jiena ċert li intom li vvotajtu għall-Ewropa mhux hekk tridu. Intom ta’ prinċipji Laburisti tafu li dana mhuwiex il-partit li tafu u li tridu intom. Intom li m’intomx marbutin ma’ partit tafu li din mhiex il-Malta u l-Għawdex li tridu,” kompla Grech.

Hawn il-Kap tal-Oppożizzjoni infilsa li, “aħna tal-PN għalhekk qegħdin quddiemkom u nitlobukom b’umilta l-vot tiegħek. Għax emminna fil-prinċipji Ewropej qabel ma daħħalna lil Malta fl-UE, bqajna nemmnu fihom matul dawn l-20 sena u se nibqgħu nsostnu dawn il-prinċipji. Dak li qiegħed jiġri f’pajjiżna huwa kontra dawn il-prinċipji. Għalina l-Ewropa tfisser is-saltna tad-dritt, il-ħsieb ħieles u s-serenità. Malta Ewropea hija li dejjem tfittex is-sewwa, id-demokrazija u l-ġustizzja. Għalhekk jien kburi li mmexxi dan il-partit. Għax nemmen li Malta hija fl-Ewropa daqskemm l-Ewropa hija f’Malta”.

Fir-rigward Grech imbagħad indirizza lil dawk li għadhom ma ġabrux il-vot, dawk li għadhom ma ddeċidewx jekk humiex se jivvotaw u liż-żgħażagħ. Għal dawk li għadhom ma ddeċidewx il-Kap tal-Oppożizzjojni assigurahom li jirrispetta kwalunkwe deċiżjoni li jieħdu “għax dik hija demokrazija”. Fl-istess nifs qalilhom li, però, ikun qiegħed jonqos minn dmiru jekk ma jsemmix il-konsegwenzi għal min ma jivvotax għax skont huwa “tkun qiegħed tħalli d-destin tiegħek u tal-familja tiegħek f’idejn dak li tradik”.

Fil-kilba biex jiġbor il-voti assigura wkoll lil-Laburisti biex jekk fil-passat ivvotaw partit differenti, m’għandhomx għalfejn jinkwetaw. Qalilhom li, “jekk inti dejjem ivvotajt Labour u qiegħed jiddispjaċik u ssibha bi tqila tivvota PN, jekk tivvota lill-kandidati tal-PN tkun qiegħed tivvota għalik stess għax aħna verament nemmnu li tista’ ma taqbilx magħna imma tista’ taħdem magħna”.

Grech fakkar lil dawk li qegħdin jikkontemplaw li ma jivvotawx li waqt il-votazzjoni, ikollhom il-poter f’idejhom. Fl-istess ħin assigurahom li minħabba l-inċertezza, “mhux se nidħku bikom”. Irreklama l-PN bħala “aħna bil-fatti nuruk li qegħdin hemm għalik. Nappella biex int min int, ġej minn fejn ġej, il-vot tiegħek għatih lil min jemmen fik u lest li jaħdem għalik”. Kien hawn li dar għall-voti taż-żgħażagħ bil-kliem li, “ċert li bdejtu tifhmu li dak li qiegħed jiġri f’pajjjiżna mhuwiex il-futur tagħkom u l-Ewropa li tħossukom parti minnha. Irridu nagħtukom futur sabiħ u mimli opportunitajiet. Intom tridu min jifhmkom u jitgħallem mingħandkom”.

Bernard Grech b’insistenza temm jgħid li, “il-vot qiegħed f’idejk u agħtih lill-PN”.

Ekonomija

Sport