Saturday, October 26, 2024

“Il-pass li jmiss huwa li nerġgħu nibnu dak li tant ħadem għalih Nardu”

Aqra wkoll

Bidu ta’ ġimgħa ġdida wara dak li esperjenzajna fil-ġimgħat li għaddew. Minn qalbna nixtiequ nirringrazzjaw lil kull min b’xi mod għen sabiex l-aħħar tislima ta’ ħuna Leonard Camilleri tkun mill-aktar dinjituża kif mistħoqq.

Iddikjarat dan is-Soċjetà Mużikali San Ġużepp ta’ Ħal Kirkop filwaqt li ħadet l-opportunità biex tirringrazzja lil dawk kollha li taw il-kontribut tagħhom fl-aħħar tislima lil Camilleri.

Filwaqt li rringrazzjaw lil dawk li offrew is-servizzi tagħhom huma nnutaw ukoll dwar il-kontribut kollettiv mill-qraba tal-vittma, il-Kappillan Dun Martin Cardona, il-Kleru, is-Sindku Terence Agius flimkien mal-Kunsill Lokali u l-għaqdiet tar-raħal, l-Għaqda Mużikali San Leonardu A.D 1858, Soċjetajiet mużikali, għaqdiet pirotekniċi, u għaqdiet tal-festi kollha li akkumpanjaw fil-korteo funebri, anke minkejja l-kundizzjonijiet tat-temp, il-Kummissjoni Banda, Surmast Mro. Brian Cassar u l-bandisti kollha li taw is-servizz dedikat tagħhom mal-Banda San Ġużepp.

Camilleri miet fl-età ta’ 64 sena hekk kif huwa ħasad lil bosta bl-aħbar tal-mewt tiegħu fis-26 ta’ Novembru li għadda. Nardu huwa magħruf sew mad-dilettanti tan-nar tant li l-istorja tiegħu f’dan il-qasam hija waħda mżewqa. Infatti dan ma kienx l-uniku inċident f’kumpless tan-nar li fih kien involut il-vittma tant li fl-2012 huwa kien sofra xi ġrieħi f’idejh waqt li kien qiegħed jaħdem in-nar. Huwa kien ukoll detentur tal-istess kumpless lura fis-snin sakemm għal xi żmien kien irtira l-permess f’idejn ħaddieħor u waqaf milli jagħti l-kontribut tiegħu.

“Il-pass li jmiss huwa li nerġgħu nibnu dak li tant ħadem għalih Nardu”, temmet is-Soċjetà fi stqarrija li fiha rringrazzjat ukoll lil dawk li anke sempliċiment b’kelma, wasslu l-kuraġġ tagħhom wara dan l-episodju ikrah.

Sport