Wednesday, April 24, 2024

Tgħid li kien jisfurzaha jkollha x’taqsam miegħu anke fl-aħħar tat-tqala

Aqra wkoll

Imħallef ordnat is-separazzjoni bejn koppja wara li semgħet kif il-mara kienet sfat vittma ta’ moħqrija u vjolenza minn żewġha, billi kien jerfa’ jdejh fuqha u saħansitra jisforzaha biex ikollha x’taqsam miegħu sesswalment, anke meta kienet fi stadju avvanzat ta’ tqala.

Il-mara kienet fetħet kawża għas-separazzjoni quddiem il-Qorti tal-Familja fejn talbet ukoll li jkollha l-kura u l-kustodja taż-żewġ uliedha. Fl-affidavit tagħha, hija qalet li ltaqgħet l-ewwel darba ma’ żewġha fl-2013. Dak iż-żmien ħabiba tagħha kienet staqsietha sabiex tieħu ħsieb lil bintha waqt li din tkun xogħol u tgħix ukoll fir-residenza tagħha.

Wara ġimagħtejn tieħu ħsieb lil bint il-ħabiba tagħha, hija ġiet mistoqsija mir-raġel ta’ ħabibtha sabiex tiltaqa’ ma’ ħabib tiegħu u tiżżewġu sabiex huwa jkun jista’ jibqa’ jgħix hawn Malta.

Hija tgħid li rrifjutat li tagħmel dan u għalhekk sfat imkeċċija mid-dar ta’ ħabibtha u żewġha. Kien propju hawn li ltaqgħet mar-raġel tagħha, hekk kif dan offrielha li jgħinha, billi jsibilha impjieg u jħalliha tgħix miegħu. Tgħid li huwa kien ta’ għajnuna kbira għaliha, madankollu l-affarijiet inbidlu meta sar jaf li kienet tqila.
Hija allegat li żewġha kien jixrob ħafna kif ukoll jilgħab il-flus fil-bars u kien jidħol lura id-dar dejjem fis-sakra u aggressiv. Tgħid li kien jerfa’ jdejh fuqha u jisforzaha jkollha rapporti intimi miegħu u dan meta hi kelha disa’ xhur tqala.

Kien fl-2014, fttit jiem wara li kellhom l-ewwel wild, li l-partijiet iżżewġu ċivilment. Hija allegat li wara xi xhur, ir-raġel beda jsakkarha ġewwa d-dar, b’konsegwenza li spiċċat iżolata minn kulħadd. Tgħid ukoll li kien hemm xi drabi fejn kien jisforzaha sabiex ikollha x’taqsam miegħu sesswalment u dan filwaqt li binhom kien ikun qiegħed fis-sodda jibki.

Konsegwentement, hija saret li kienet tqila bit-tieni wild tagħhom u meta sar jaf b’dan, ir-raġel allegatament kompla jżid fl-abbuż tiegħu. Waqt li kienet tqila, hija marret għal btala għand familtha ġewwa l-Bulgarija flimkien ma’ binha. Ir-raġel kien ċemplilha u qalilha sabiex tirritorna lura u wegħedha li se jinbidel.
Xi żmien wara rritornat biż-żewġt itfal tagħhom flimkien ma’ ommha. Għalkemm ma kienx jerfa’ jdejh, hija qalet li kien hemm drabi fejn ir-raġel xorta kien jirritorna fis-sakra u “jwaddbilhom biċċiet tal-ħobż”.

Hija semmiet ukoll episodji oħra fejn ir-raġel kien ikun vjolenti magħha. Tgħid li darba fost oħrajn kien qabadha minn għonqha u pprova jifgaha, iżda rat li huwa kien ħalla mas-serratura ċ-ċwievet tad-dar u din dlonk ħadithom u fil-mument oppotun telqet mid-dar bil-moħbi tiegħu u baqgħet sejra l-għassa.

Sabiex issaħħaħ il-verżjoni tagħha, il-mara ressqet diversi provi fosthom ir-rapporti li għamlet dwar vjolenza domestika u l-akkużi li nħarġu fil-konfront tar-raġel tagħha. Min-naħa l-oħra, il-Qorti preseduta mill-Imħallef Abigail Lofaro rat li r-raġel ma kien ressaq l-ebda provi f’dawn il-proċeduri.

Wara li qieset kollox, il-Qorti li numru ta’ allegazzjonijiet li saru ma ġewx “minimament ippruvati” fosthom li r-raġel kellu l-vizzju tal-alkoħol u tal-logħob tal-flus u li kienet tkun imsakkra f’darha.

Il-Qorti iżda rat ukoll li l-verżjoni tagħha ma ġietx kontradetta u dan minħabba n-nuqqas ta’ volontà min-naħa tar-raġel. Għaldaqstant meta rinfaċċjata bil-verżjoni mhux kontradetta tal-mara, kif ukoll provi li jistabbilixxu li r-raġel kien bniedem aggressiv u vjolenti, il-Qorti qalet li ma setgħetx ma temminx lill-mara.

Kien għalhekk li laqgħet it-talba tagħha u ordnat is-separazzjoni personali bejn il-partijiet, minħabba li l-ħajja tal-partijiet m’għadhiex aktar sostenibbli għaliex iż-żwieġ tkisser b’mod irrimedjabbli u dan minħabba moħqija, vjolenza u inġurji gravi, li kienu attribwibbli lir-raġel. Il-Qorti ordnat ukoll li l-kura u l-kustodja tal-minuri għandha tkun fdata f’idejn il-mara.

Sport