Tuesday, December 17, 2024

“Il-pass li jmiss huwa li pajjiżna jkollu akkomodazzjoni turistika ta’ kwalità ogħla”- Il-Ministru Clayton Bartolo

Aqra wkoll

“Il-pass li jmiss huwa li pajjiżna jkollu akkomodazzjoni turistika ta’ kwalità ogħla u livelli ogħla milli kellna sa issa. Wasalna fi żmien fejn din l-industrija qiegħda timmatura. Industrija li mxiet ‘il quddiem maż-żmien u issa nemmen li huwa żmien opportun li nniedu riforma ħolistika li tara li jkollna kwalità ogħla fil-lukandi u fil-postijiet ta’ akkomodazzjoni li jinkrew lit-turisti.”

Stqarr dan il-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo meta fil-Parlament kienu qed jiġu diskussi l-estimi tal-Budget 2025 għal dan il-Ministeru.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Bartolo ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se jkun qiegħed jiddiskuti mal-istakeholders u anke mal-pubbliku inġenerali biex jaraw il-bidliet importanti li hemm bżonn isiru u li se jkunu qed jipproponu għall-konsultazzjoni pubblika biex bħala pajjiż ngħollu l-livell u nadvokaw iżjed il-kwalità fil-prodott li noffru.
Tenna li l-għan ta’ dawn il-bidliet huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ turiżmu ġid għall-industrija iżda fuq kollox turiżmu ta’ ġid għall-komunitajiet tagħna. Huwa rrikonoxxa li hemm żoni partikolari li qed jesperjenzaw inkonvenjenti minħabba ċertu tip ta’ attività iżda stqarr li lil dawn in-nies se jkunu qed jipprovdulhom is-soluzzjonijiet.

Fl-istess waqt, il-Ministru Bartolo għamilha ċara li dan il-Gvern la se jċaħħad u lanqas ineħħi l-investiment li sar minn nies f’dawn l-aħħar snin. “Iżda rrid nara li s-sena d-dieħla nibdew proċess ta’ konsultazzjoni li permezz tiegħu naslu għal proċess ta’ riforma improtanti ħafna, li l-għan tagħha se jkun kwalità aħjar fis-servizz offrut u li jsib bilanċ mal-komunitajiet fl-ibliet u l-irħula Maltin.”

Il-Ministru Bartolo rrefera wkoll għad-diskors li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament u nnota kif għat-tieni darba fi ftit ġimgħat dan wera li ma jinteressah assolutament xejn mill-industrija tat-turiżmu.

“L-ewwel darba kienet fir-replika tiegħu tal-budget meta dan is-settur ekonomiku ma tahx l-importanza li tixraqlu u llum ħela nofsiegħa mid-dibattitu jgħajjar lili u lil familti fuq livell personali. Livell li f’din il-kamra qatt ma waqajna daqshekk fil-baxx. Għalhekk jikkonferma l-baħħ li hemm in-naħa l-oħra tal-kamra fejn tidħol din l-industrija,” qal il-Ministru Bartolo.

Huwa tkellem ukoll dwar l-importanza tan-nefqa turistika. Qal li minn Jannar sa Settembru ta’ din is-sena l-istatistika turi li n-nefqa turistika f’pajjiża diġà laħqet il-livell ta’ sena sħiħa li għaddiet. “Irridu li jkollna turist bi profil aħjar minn dak li rnexxielna nattiraw sa issa. Biex nattiraw turist b’nefqa ogħla qed intejbu l-konnettività.”

Il-Ministru Bartolo kompla jgħid li fil-ġimgħat li ġejjin se titħabbar Belt Kapitali oħra Ewropea li se tkun qiegħda tgħaqqad lil pajjiżna mal-Amerika u mas-suq Ażjatiku. Qal li dawn “huma r-riżultati li l-industrija tistenna minna.”

Huwa qal ukoll li jinsabu lesti biex aktar tard is-sena d-dieħla jiftħu l-ewwel uffiċjali tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fi New York. Fiha nfisha, kompla jgħid il-Ministru Bartolo, din id-deċiżjoni se tkun “gamechanger” fejn se jkollna preżenza akbar b’uffiċċju f’żona strateġika u b’tim ta’ nies jaħdmu fuq il-marketing ta’ pajjiżna.

Ekonomija

Sport