F’dawn il-jiem pajjiżna qed jospita s-Summit prestiġjuż, il-Globali tal-World Travel & Tourism Council (WTTC). Dan huwa mument li mhux biss għandu jagħmilna kburin bħala nazzjon imma li wkoll għandu jservina ta’ okkażjoni biex nirriflettu b’mod profonda dwar is-settur turistiku tagħna.
Bla dubju, attivita hekk importanti se sservi bħala vetrina għal Malta li permezz tagħha nuru li minkejja d-daqs żgħir tagħna, għandna rwol attiv u importanti x’nilagħbu. Il-messaġġ jibqa’ wieħed ċar dak li Malta mhix biss hija destinazzjoni għall-vaganzi imma wkoll hi pjattaforma fejn jitfasslu l-politiki u l-istrateġiji tal-futur.
Il-preżenza ta’ aktar minn 1,000 delegat u 200 Kapijiet Eżekuttiv minn kumpaniji internazzjonali toħloq opportunitajiet mingħajr preċedent għal aktar sħubija kummerċjali filwaqt li ssaħħaħ il-profil ta’ Malta bħala ċentru ta’ eċċellenza f’dan is-settur.
B’danakollu l-isifidi ma jonqsux. Waħda minn dawn li qed jaffaċċja t-turiżmu llum – kemm lokalment kif ukoll globalment – hi s-sostenibbiltà. Il-Gvern qiegħed jagħraf dan kollu u l-viżjoni li qed iressaq ’il quddiem tinkorpora l-għan ta’ turiżmu ta’ valur għoli, turiżmu ta’ kwalita fix-xhur kollha tas-sena u b’enfasi fuq is-sostenibiltà. Għalhekk ukoll li l-attenzjoni qed iddur fuq il-qabża mill-kwantità għall-kwalità u l-investiment fl-esperjenzi distinti fis-settur.
Iżda s-suċċess li qed jikseb pajjiżna fit-turiżmu mhux jiġi waħdu bħala miraklu imma qed jinkiseb permezz tal-bżulija u ta’ ħidma kontinwa minn diversi entitajiet. Dan ġie nnutat ukoll minn diversi persuni prominenti inkluż il-President u l-Kap Eżekuttiv tal-WTTC Gloria Guevara li faħħret l-impenn u l-ħeġġa tal-Gvern Malti li jorganizza dan l-avveniment internazzjonali. Fl-istess waqt li nnotat li Malta kienet l-aktar pajjiż li mar tajjeb fis-settur tat-turiżmu fl-Ewropa.
Ir-rikonoxximent u t-tifħir mingħand l-ogħla uffiċjali tal-WTTC huma xiehda ċara tal-kapaċità, il-viżjoni u l-impenn li bihom Malta qed tkabbar isimha u r-reputazzjoni tagħha fix-xena internazzjonali. Dan huwa l-mument meta b’fiduċja sħiħa rridu nkomplu nħarsu ‘l quddiem u nibnu fuq dan is-suċċess miksub billi nissoktaw nittrasformaw din il-viżibilità globali f’opportunitajiet li jwasslu għal proġetti innovattivi kwalità li jtejbu l-ħajja ta’ kuljum tal-komunità kollha tagħna.
Bi tmexxija għaqlija u b’impenn kollettiv, Malta mhux biss qed tilqa’ l-futur tat-turiżmu, iżda qed tkun il-mudell ta’ eċċellenza li minnu qed jispiraw ruħhom bosta pajjiżi oħra.

