Bħala omm ta’ tifel żgħir, kull ħruġ mid-dar huwa aktar minn sempliċi mixja jew vjaġġ bil-karozza. Huwa mument fejn irrid nikkalkula kull riskju u nassigura li t-tifel tiegħi jkun protett bħal kwalunkwe mument ieħor. Ħafna drabi, filwaqt li qed nimxu, inħoss kemm is-sigurtà fit-toroq hija kwistjoni ħajja għal kull familja. F’dawn l-aħħar xhur, is-suġġett tas-sigurtà fit-toroq reġa’ qam b’saħħtu fil-pajjiż u, bħala Sindku ta’ Ħal Għargħur inħoss ukoll ir-responsabbiltà li flimkien mal-Gvern, inħarsu lejn iċ-ċittadini tagħna u nagħrfu li minkejja li sar progress sinifikanti, għad hemm ħafna x’nistgħu nagħmlu flimkien.
Ma nistax ma nsemmix il-miżuri li diġà qed jagħmlu differenza. Ġew installati speed cameras ġodda f’żoni fejn il-veloċità kienet problema kronika. F’diversi lokalitajiet, tqiegħdu traffic calming measures bħall-mini, roundabouts u speed bumps li jħeġġu sewqan aktar bil-mod.
Il-gvern daħħal ukoll proġetti fejn kull darba li t-triq tgħaddi minn manutenzjoni, jiġu inklużi bankini aktar siguri u passaġġi pedonali aċċessibbli. Barra minn hekk, qed isiru kampanji edukattivi fl-iskejjel biex it-tfal minn età bikrija jitgħallmu dwar is-sigurtà fit-toroq, u anke kampanji pubbliċi għall-adulti dwar l-użu tal-mobile waqt is-sewqan u l-importanza li wieħed iħares lejn il-pedoni. Inizjattiva bħal din ix-xorta kienet ukoll organizzata bejn il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għargħur u l-Awtorità, Transport Malta waqt l-edizzjoni Pjazza tal-Familja, fejn parti mill-pjazza kienet ukoll pedonali.
Madankollu, ir-realtà ta’ kuljum tagħmilha ċara li għad hemm sfidi u għanijiet x’jintlaħqu. Xi bankini jibqgħu dejqa jew miksura. Xi zebra crossings u sinjali oħra tat-toroq mhux ċari u diffiċli biex jingħarfu, speċjalment billejl. U mhux kull sewwieq juri l-istess sens ta’ rispett lejn minn ikun għaddej mill-istess triq.
Niftakar tajjeb iż-żmien meta ibni kien għadu jinġarr fil-pushchair, l-isfidi li kont niltaqa’ magħhom meta pereżempju karozza tkun ipparkjata fuq il-bankina u kien ikolli ninżel fit-triq u nimxi qrib il-karozzi li jgħaddu. F’dawk il-mumenti, dejjem kont inġib quddiem għajnejja wkoll nies vulnerabbli bi problemi ta’ mobiltà. Nifhem li kull element tal-infrastruttura mhuwiex biss kwistjoni ta’ estetika jew ordni, iżda hu linja diretta ta’ sigurtà bejn dawk għaddejjin b’mod pedonali u għalhekk il-periklu hu wieħed reali u serju.
Pajjiżi oħra wrew li l-protezzjoni tal-pedoni u tat-tfal mhijiex biss kwistjoni ta’ “bonus” iżda parti mill-ippjanar urban. F’Londra, hemm “school streets” fejn l-aċċess tal-karozzi jkun magħluq fi żminijiet kritiċi tat-tfal li huwa wkoll simili ta’ dak li diġà għandna f’Malta. Fil-Ġermanja, il-limitu f’żoni residenzjali huwa ta’ 20km/h u l-infrastruttura tagħmel il-karozzi, mhux dominanti. Fl-Olanda, ir-rotot lejn l-iskejjel għandhom separazzjoni fiżika għal pedoni u roti bħala parti mill-pjan oriġinali tat-triq.
Bħala pajjiż żgħir, għandna opportunità unika li nimplimentaw bidliet b’mod relattivament rapidu fejn naraw żoni ta’ veloċità baxxa (20km/h) ħdejn kull skola u park, b’infurzar elettroniku kontinwu u proġett pilota ta’ “school streets” f’xi lokalitajiet magħżula. Irridu nassiguraw li l-bankini u passaġġi pedonali standardizzati f’kull xogħol ta’ infrastruttura u dawk diġa eżistenti jkunu f’kull mument aċċessibbli. Crossings viżibbli u mdawla b’sinjali LED u żebgħa reżistenti għall-użu intens. Promozzjoni ta’ mobilità alternattiva b’infrastruttura protetta għal roti u pedoni hija wkoll ta’ għajnuna għal aktar għarfien u promozzjoni ta’ sigurta’ fit-toroq.
Is-sigurtà fit-toroq mhijiex xi ħaġa li l-Gvern jista’ jagħmilha waħdu jew li ċ-ċittadini jistgħu jiksbu waħedhom. Hija sfida nazzjonali li teħtieġ infurzar serju, edukazzjoni kontinwa u investiment fit-tul. Bħala omm u bħala parti minn amministrazzjoni li għandha f’idejha r-responsabbiltà tal-benesseri taċ-ċittadini, nemmen li kull pass żgħir lejn aktar sigurtà huwa pass lejn pajjiż fejn it-tfal tagħna jkunu jistgħu jimxu jew jilagħbu barra mingħajr biża’. U dan għandu jkun il-għan komuni tagħna , mhux għada, imma minn issa.