Minn Cristian Muscat
Fil-jiem li għaddew, GREE Zurrieq Wolves Hotsticks organizzaw serata speċjali f’għeluq il-50 sena mit-twaqqif tagħhom. Kien avveniment uniku mimli emozzjoni, rikonoxximent u nostalġija. Għal ħafna, kienet okkażjoni ta’ ċelebrazzjoni; għal oħrajn, kienet opportunità biex iħarsu lura lejn storja unika li bdiet minn idea sempliċi u li llum saret pedament fil-hockey Malti.
F’din l-okkażjoni, ġew onorati plejers li spikkaw fl-istaġun 2024/25: Christ Agius bħala l-aqwa plejer tat-tim tal-kbar, Carmine Francese għall-Hockey 7s, filwaqt li Adam White (Under 12) u Caine Farrugia (Under 14) rebħu l-unuri tal-aqwa plejers fil-kategoriji tagħhom. Kien hemm ukoll rikonoxximenti lil plejers żgħażagħ li għamlu progress notevoli, Ethan Abela u Thomas White, u unuri speċjali lil dawk li taw sehem storiku lill-klabb, fosthom Tony Caruana Smith, il-fundatur tiegħu. Din il-gazzetta proprju ħadet din l-okkażjoni sabiex tieħu l-kummenti mis-sur Caruana Smith li jiftakar b’nostalġija dak li għadda 50 sena ilu u kif ra t-tim jevolvi f’dan iż-żmien kollu.
Meta nitkellmu fuq il-bidu ta’ Hotsticks, irridu mmorru lura għal Diċembru tal-1975. Dak iż-żmien, Tony Caruana Smith kien għalliem fi ħdan l-Iskola Sekondarja tan-Naxxar. Kien hawnhekk li ġabar ftit tfal ta’ madwar 11-il sena u beda jintroduċihom mal-isport tal-hockey.
“Dak iż-żmien kien diffiċli ħafna – ma kienx hemm faċilitajiet u anqas kultura tal-hockey kif nafuha llum,” jgħid Tony. “Imma kien hemm entużjażmu u passjoni kbira.”
Ftit snin wara, f’Mejju tal-1977, Hotsticks daħlu għall-ewwel darba f’kompetizzjoni uffiċjali tal-Hockey Association Malta (HAM). Għalkemm kienu taħt l-età meħtieġa, kienu diġà qed juru l-potenzjal tagħhom, tant li fl-istaġun 1977/78 rebħu l-kampjonat Under 14 u ġew it-tieni fl-Under 16. Dik is-sena, David Xuereb rebaħ ukoll il-premju tal-aqwa plejer żagħżugħ.
Fl-istaġun 1980/81, Hotsticks daħlu għall-ewwel darba fil-kampjonat nazzjonali tas-seniors. Il-bidu ma kienx faċli, iżda l-entużjażmu qatt ma naqas. Fl-1982/83, il-klabb kiseb it-tielet post u fl-istaġun ta’ wara (1983/84) seħħet il-ħolma: Hotsticks rebħu l-Kampjonat Nazzjonali għall-ewwel darba.
“Kien suċċess storiku għax it-tim kien magħmul kważi kollu minn plejers taħt l-20 sena. Dak kien mument ta’ kburi kbir, mhux biss għalija imma għall-hockey kollu f’Malta,” jiftakar Tony.
Wara dawn is-snin glorjużi, il-klabb kompla jikkonsolida ruħu bħala wieħed mill-aktar timijiet rispettati. Inbidel l-isem għal Sliema Hotsticks biex jirrifletti l-għeruq ġeografiċi u soċjali tal-plejers, u għal xi żmien kellhom ukoll clubhouse f’Tigné, Sliema.
Tony jiftakar ukoll il-logħbiet ta’ ħbiberija kontra t-timijiet Ingliżi tal-Navy u l-frejgati li kienu jiġu jagħmlu żjara f’Malta: “Konna nilagħbu magħhom waqt il-breaks tagħhom. Dak kien jżid l-ispirtu internazzjonali u kien ukoll mod kif ħafna Maltin bdew jersqu lejn il-hockey.”
Madankollu, it-triq qatt ma kienet waħda faċli. Fl-2007, Tony waqaf mill-kowċing: “Kien żmien fejn bdew jidħlu ħafna distrazzjonijiet ġodda għaż-żgħażagħ. Ħafna ma baqgħux jipprattikaw sports u dan affettwa wkoll il-hockey, xi ħaġa li għadni naraha sal-lum.”
Meta nistaqsuh x’jinbidel minn żmienu għal-lum, Tony jgħid b’ċertezza: “Kollox inbidel. Illum għandna turf artifiċjali li biddel kompletament il-logħba. Qabel konna nilagħbu fuq ramel, kienet logħba aktar fiżika. Issa hija ħafna iktar teknika, aktar mgħaġġla u b’livell ta’ preċiżjoni akbar.”
Dan it-tibdil, jgħid hu, joffri wkoll opportunità kbira biex it-timijiet Maltin ikomplu jitjiebu u jiksbu riżultati mhux biss fuq livell domestiku iżda wkoll fuq livell internazzjonali. “Illum qed naraw riżultati tajbin mhux biss fil-klabbs iżda anke fit-tim nazzjonali. Konna grupp żgħir ta’ sitt timijiet riċentement u bħala tim nazzjonali spiċċajna fit-tielet post. Klabbs oħrajn bħal Qormi u Floriana għollew ħafna l-profil tal-hockey f’Malta.”
Pass strateġiku importanti seħħ fl-2023 meta Hotsticks daħlu f’assoċjazzjoni ma’ Żurrieq Wolves ASC. Din il-mossa kienet maħsuba biex tissaħħaħ il-bażi tal-klabb u jingħata spinta ġdida għall-futur. Fl-istess waqt qed ikun hemm kollaborazzjoni mal-komunita’ taż-Zurrieq, bil-Wolves li għandhom imħabba lejn l-isport.
Il-president attwali Andrei Imbroll qal: “Huwa ta’ privileġġ kbir għalija li mmexxi dan il-klabb. Matul dan is-sajf ħadna l-passi kollha biex insaħħu l-iskwadra f’kull dipartiment. L-għan tagħna huwa li Hotsticks jibqa’ klabb ewlieni fil-hockey Malti.”
Meta nistaqsuh kemm hu sodisfatt li l-klabb laħaq il-50 sena, Tony jwieġeb b’umiltà kbira: “Ħamsin sena għaddew qishom ħolma. Minn ftit tfal ta’ 11-il sena, illum il-klabb għadu hemm, b’pedament sod. Jien kburi li rajtu jikber u jikseb unuri, imma l-ikbar sodisfazzjon tiegħi hu li l-hockey baqa’ jgħix u jikber f’pajjiżna.”
Tony jgħid ukoll li l-futur tal-hockey jiddependi fuq l-impenn ta’ dawk li għamlu parti minnu: “Il-messaġġ tiegħi lil dawk li kienu u għadhom segwaċi tal-Hotsticks hu wieħed ċar, intom ħadtu ħafna mill-hockey, issa wasal iż-żmien li tagħtu lura. Mhux biss biex l-isem tal-Hotsticks jibqa’, imma biex il-hockey Malti kollu jkompli jikber. L-isport jagħti ħafna, imma jeħtieġ ukoll imħabba u dedikazzjoni kontinwa.”
Bla dubju li l-ħamsin sena tal-Hotsticks huma storja ta’ passjoni, sfidi u suċċessi. Minn tfal fi skola f’Naxxar lura għas-sena 1975, għal tim li rebaħ il-kampjonat nazzjonali u llum parti minn assoċjazzjoni b’saħħitha ma’ Żurrieq Wolves, il-vjaġġ ta’ dan il-klabb hu xhieda ta’ x’inhu jfisser li tħobb l-isport u temmen fih.
Il-kliem ta’ Tony Caruana Smith jiġbor kollox: il-passat hu ta’ ispirazzjoni, il-preżent hu ta’ sfida, u l-futur jista’ jkun wieħed ta’ suċċess jekk ikompli jinbena fuq il-valuri ta’ dedikazzjoni u passjoni.