Ninsabu ftit tal-ġimgħat biss ’il bogħod mill-akbar festa liturġika. F’bosta lokalitajiet għaddejjin l-aħħar preparamenti għall-attivitajiet ta’ matul il-Ġimgħa Mqaddsa.

F’San Vinċenz de Paul, grupp ta’ ħaddiema ddedikati kkonkludew ġimgħat sħaħ ta’ xogħol li sar volontarjament biex ilbieraħ il-Ħadd 22 ta’ Marzu, ppreżentaw il-Passjoni ta’ Ġesù.
Fil-Knisja tal-Qalb ta’ Ġesù, intrama s-sett kollu tal-vari, tmienja b’kollox, li nħadmu kollha minn eks impjegat, Michael Bonnici, li huwa wkoll skultur, fuq medda ta’ snin.

Mad-9.30 a.m., ħarġet il-purċissjoni akkumpanjata minn banda li daqqet marċi funebri, bis-sehem ta’ madwar 230 personaġġ bibliku, bejn reffiegħa, suldati, bandisti, kif ukoll tfal.
Il-purċissjoni daret madwar it-toroq mal-periferija ta’ San Vinċenz. Din kellha l-elementi kollha daqslikieku ħierġa minn knisja f’xi raħal Malti.

Din hija tradizzjoni, organizzata mill-Kumitat Ġimgħa l-Kbira ta’ San Vinċenz de Paul, li ilha ssir għal dawn l-aħħar 25 sena.


