Monday, May 13, 2024

Il-Patrijiet Minuri Konventwali jiċċelebraw il-Kapitlu Provinċjali

Aqra wkoll

Bejn il-11 u l-15 ta’ Settembru 2023, il-Provinċja Maltija ta’ San Pawl Appostlu tal-Patrijiet Minuri Konventwali ċċelebrat il-wieħed u tletin Kapitlu Provinċjali Ordinarju (l-ewwel parti) fiċ-Ċentru Kulturali Franġiskan, Birkirkara.

Il-Kapitlu, bit-tema: “Arawni, sejjer nagħmel ħaġa ġdida” (Is 43:19), fetaħ b’ġurnata ta’ talb u bil-għajnuna ta’ Don Luigi Maria Epicoco l-patrijiet irriflettew fuq l-attwalità tal-profezija ta’ Isaija. Miġburin flimkien f’Birkirkara, il-patrijiet talbu flimkien u komplew jirriflettu u jiddixxernu fuq dak li ħareġ mill-erba’ Assemblei preparatorji li kellhom fix-xhur li għaddew rigward il-ħajja tal-Provinċja.

F’dan il-Kapitlu, ippresedut mill-Ministru Ġenerali tal-Ordni Patri Carlos Alberto Trovarelli u fil-preżenza tal-Assistent Ġenerali Patri Giovanni Voltan, saru wkoll l-elezzjonijiet tal-Ministru Provinċjali u tad-Definitorju tiegħu. Il-patrijiet reġgħu kkonfermaw lil Patri Colin Charles Sammut bħala Ministru Provinċjal (it-tieni mandat). Il-membri tad-Definitorju Provinċjali huma Patri Paul Darmanin (Vigarju Provinċjali, it-tieni mandat), Patri Christian Anthony Borg (Segretarju Provinċjali, it-tieni mandat), Patri Joseph Xerri, Patri Andrew Galea u P. Allister M. Aquilina.

Patri Colin Charles Sammut, mill-Qawra, twieled fit-8 ta’ Novembru tal-1981. Daħal mal-Patrijiet Minuri Konventwali fl-2002 u wara li studja l-Filosofija fl-Università ta’ Malta fis-snin tal-postulandat, beda s-sena tan-Novizzjat f’Osimo, l-Italja fl-2005. Fis-6 ta’ Settembru tal-2006 għamel il-Professjoni Sempliċi u fl-10 ta’ Settembru tal-2010 għamel dik Solenni. Fit-12 ta’ Diċembru tal-istess sena ġie ordnat Djaknu u fit-3 ta’ Lulju tal-2011 ġie ordnat Saċerdot.

It-tieni parti tal-Kapitlu Provinċjali Ordinarju sa tkun iċċelebrata bejn it-23 u s-27 ta’ Ottubru 2023.

Sport