Wednesday, March 27, 2024

“Il-patt il-ġdid dwar l-immigrazzjoni għandu jkompli jiġi diskuss”

Aqra wkoll

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, ipparteċipa fil-konferenza dwar il-futur tal-Ewropa fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu bejn it-22 u t-23 ta’ Ottubru, 2021.

Matul il-parteċipazzjoni tiegħu fil-grupp ta’ ħidma dwar il-migrazzjoni, il-Ministru Abela qal li l-patt il-ġdid għall-migrazzjoni jeħtieġ li jkompli jiġi diskuss u wieħed jittama li tittieħed deċiżjoni biex il-migrazzjoni irregolari tiġi ġestita aħjar.

L-għan ewlieni tal-konferenza huwa li sservi bħala opportunità għaċ-ċittadini Ewropej biex jiddibattu dwar l-isfidi u l-prijoritajiet tal-Ewropa. Il-konferenza tista’ tkun effettiva jekk iċ-ċittadini jkunu fil-qalba tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Madanakollu, il-Ministru Abela enfasizza waqt l-intervent tiegħu li, “Is-suċċess ta’ din il-konferenza jiddependi l-ewwel nett fuq kemm nisimgħu u t-tieni fuq kemm nattwaw.”

F’din l-aġenda, Pjattaforma Diġitali Multilingwi, il-ministru spjega li biex il-konferenza tkun effettiva, ħadd m’għandu jitħalla lura. Qal li ċittadini minn kull qasam tal-ħajja għandu jkollhom l-opportunità li jipparteċipaw u jsemmgħu leħinhom. Għalhekk, “ilkoll kemm aħna għandna naħdmu aktar biex inġibu aktar ċittadini fil-proċess tal-konferenza permezz tal-pjattaforma diġitali biex niżguraw li r-riżultati ġenwinament jirriflettu t-tamiet u t-tħassib taċ-ċittadini.”

Irrimarka li, “Qed naraw sinjali ċari li ċ-ċittadini tagħna jimpurtahom mill-futur tal-pjaneta tagħna u minn dak li qed tagħmel l-UE biex tissalvagwardja l-kwalità tal-arja tagħna, l-ikel tagħna u l-ilma tagħna”. Il-ministru rrimarka wkoll li ċ-ċittadini qed jibagħtu sinjali ċari li jimpurtahom mis-saħħa tas-soċjetajiet tagħna, bi kwistjonijiet bħall-ġustizzja soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol l-aktar li jikkonċernawhom.

Fi tmiem l-indirizz tiegħu lill-plenarja, il-Ministru Abela qal li l-futur mhuwiex sempliċiment xi ħaġa li nidħlu fih, imma li noħolqu. Malta se tara li nies, li sa issa ma kellhomx l-opportunità li jikkontribwixxu, se jkunu qed jagħmlu dan fil-ġimgħat u fix-xhur li ġejjin, inklużi aktar nisa u l-ġenerazzjoni ikbar fl-età.

Ekonomija

Sport