Wednesday, April 24, 2024

INĦARSU B’OTTIMIŻMU GĦAŻ-ŻMIEN LI ĠEJ

Aqra wkoll

F’pajjiż demokratiku, il-poplu jiġi mitlub li jagħmel għażla u jagħti l-fiduċja tiegħu lil partit jew ieħor sabiex jiggverna fil-leġiżlatura li jmiss. Għaldaqstant, il-poplu jrid jevalwa l-potenzjal taż-żewġ naħat sabiex jagħmel l-aħjar għażla għaż-żmien li ġej. Kultant, meta jkollok Gvern bħal ma hu dak ta’ Robert Abela, malajr nieħdu kollox ‘for granted’. Kien għalhekk propizju d-diskors tal-Prim Ministru din il-ġimgħa meta fid-diskors tiegħu elenka d-differenza bejn il-Gvernijiet Laburisti u dawk Nazzjonalisti

Ħadna lura fiż-żmien meta kellna Gvernijiet Nazzjonalisti li f’sitwazzjonijiet diffiċli, imma ħafna inqas mill-pandemija tal-Covid-19, huma għażlu l-politika t’awsterità. Aħna le. Aħna ressaqna budget soċjali sabiex hadd ma jaqa’ lura. Xogħolna jibqa’ dejjem li nqarbu d-distakk ta’ min hu tajjeb u min qiegħed ibati billi ngħinuh u nġibuh fuq saqajh.

Ma rridux ninsew li meta ħadna l-Gvern f’idejna, sibna pajjiż staġnat u ridna ndawru r-rota mill-ġdid. Kien żmien diffiċli fejn Gvern Nazzjonalista kien daħħalna fl-‘excessive deficit procedure.’ Iżda issa rridu nħarsu l’quddiem u fuq l-aġenda għandna standards ġodda u għola li japplikaw l-istess għal kulħadd. Irridu noħolqu bilanċ bejn il-progress sabiex l-ekonomija tibqa’ b’saħħitha u fl-istess waqt nsebbħu l-ambjent. Proprju għalhekk neħħejna t-taxxi relatati mal-proprjetà sabiex ninċentivaw lil min qiegħed ibiegħ u anke min jixtri. Qed ninċentivaw lil min jiddeċiedi li jixtri proprjetà fl-Urban Conservation Area u nnaqsu l-proprjetà battala u mitluqa. 

Aħna ma narawx qasam partikolari għalih waħdu, imma nagħmlu kollox f’kuntest wisa’ b’mod holistiku. Fil-fatt sabiex intejbu l-ambjent qegħdin inħarsu biex innaqsu l-emissjonijiet fl-arja u anke t-traffiku. Għalhekk varajna konsultazzjoni pubblika biex nevalwaw il-possibilità li nagħmlu transport tal-massa u proponejna l-Metro. Sakemm isir dan fi żmien għoxrin sena oħra ser nieħdu miżuri oħra fl-immedjat. Fil-fatt, dan il-budget ħaseb sabiex jinċentiva lil min ser jixtri karozzi elettriċi. 

Il-bogħod mill-hela li qalilna li għamilna Bernard Grech, aħna ridna li nieħdu ħsieb il-ħajja tan-nies. Nsalvaw l-ekonomija meta l-iktar kien hemm bżonn. Ħadna ħsieb li nagħtu lin-nies kull għajnuna possibbli biex ma jikkrollawx. Ridna nsostnu lin-negozji li meta l-mument kien aħjar investew u taw lil Malta mill-ġid li kellhom, issa kien imiss lilna li nieħdu ħsiebhom. Dan sabiex il-ħaddiem iżomm il-post tax-xogħol tiegħu u allura nsalvaw lill-familji. Ir-riżultat huwa wieħed li jagħmlilna kuraġġ biex nibqgħu għaddejjin. 

Aħna Gvern li ma jinsa l-ħadd. Għalhekk tajna żieda lill-penzjonanti b’ħames ewro fil-ġimgħa biex huma wkoll jkunu jistgħu ilaħħqu mal-ħajja u jtejbu l-għixien tagħhom. Nidejna diversi miżuri relatati mal-pensjoni sabiex l-anzjani tagħna jkollhom iktar flus fil-but. Rajna li kull penzjonant, minn dawk l-iktar batuti u anke r-romol intuhom żidied iktar milli tippermetti l-COLA. Il-Kap tal-Oppożizzjoni wegħdhom li ser itihom id-doppju tal-COLA li tfisser li li kieku huwa jkun il-Prim Ministru ser jagħtihom inqas minn dak propost fil-budget.

Dan huwa Gvern serju li rnexxielu jagħmel lilu nnifsu kredibbli mal-poplu. Fejn qabel konna mdorrijin b’budgets li jogħlew l-affarijiet, illum nisimghu skema waħda wara oħra biż-żidied u benefiċċji. Fejn jidħlu proġetti nfrastrutturali, qabel konna nistennew lill-Papa jew lir-Regina biex jigu fostna u fl-aħħar jiem tarahom iraqqu l-pannu bil-qargħa ahmar. Aħna differenti. Nidħlu għal ambizzjonijiet kbar imma nwettqu kollox skond il-pjan u nżommu mad-dati. Gvern li għandu għal qalbu lil Malta u l-niesu. Għalhekk, Gvern Laburista biss huwa l-unika għażla għall-futur ta’ pajjiżna.

Sport