Saturday, May 4, 2024

Il-każ tal-qtil aċċidentali minn Alec Baldwin bi żviluppi fil-qorti

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Inċident fatali u traġiku seħħ ftit tal-jiem ilu meta fuq set ta’ film western f’Texas, ġew sparati balal proprji bi żball b’konsegwenza li mara tilfet ħajjitha u ieħor safa ferut. L-id li kellha l-prop gun kienet tal-attur famuż ta’ Hollywood, Alec Baldwin, li sfortunatment se jkollu jġorr dan il-piż għall-bqija ta’ ħajtu.

“M’hemmx kliem biżżejjed biex nispjega l-istat ta’ xokk u dwejjaq li ninsab fih minħabba l-inċident li sewa l-ħajja ta’ Halyna Hutchins. Hija kienet mara miżżewġa, omm u kollega maħbuba mmens minnha lkoll. Jien qiegħed nikkollabora bis-sħiħ fl-investigazzjoni tal-pulizija li qiegħda ssir biex tikkonkludi kif seħħet din it-traġedja. Ninsab f’kuntatt kontinwu mar-raġel tagħha u binhom fejn offrejtilhom is-sostenn kollu tiegħi. Qalbi hija maqsuma,” stqarr Baldwin.

Alec Baldwin huwa attur famuż Amerikan ta’ 63 sena magħruf għar-rwoli tiegħu fil-films “30 Rock” u “The Hunt for Red October” kif ukoll għall-impersonifikazzjoni li għamel tal-eks President Donald Trump fil-programm “Saturday Night Live”. 

Huwa l-attur prinċipali tal-film western li fil-ġbid tiegħu seħħet din it-traġedja. Skont dokumenti mill-qorti, Baldwin ingħata arma tan-nar minn assistent direttur li qallu li kienet sigura biex tintuza proprju ftit ħin qabel mal-attur spara u qatel lil Hutchins. Ritratt meħuda mill-midja li marru fuq il-post juru lil Baldwin imbikkem minħabba dak li ġara fuq is-sett.

Min-naħa l-oħra, skont dokument ieħor ippreżentat fil-qorti ta’ Sante Fe, l-Assistent direttur ma kienx jaf li l-arma kien fiha balal proprji. Hutchins sofriet feriti ta’ arma tan-nar f’sidirha mentri d-direttur Joel Souza sofra ġrieħi ħfief. Skont informazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet, dawn kienu bilwieqfa ħdejn xulxin meta seħħ l-inċident. Sadanittant, Souza nħareġ mill-isptar u rringrazzja lil dawk kollha li tawh sostenn għal dak li ġara. 

Deksritta minn sħabha bħala mara ferriħija u professjonali, Hutchins hija oriġinarjament mill-Ukranja. Hija kienet studjat il-ġurnaliżmu sakemm waslet f’punt fil-karriera tagħha li ddeċidiet li tidħol fl-industrija tal-films. Meta saret taf li ngħatat l-opportunità li tiġbed dan il-film, sħabha jiftakru kemm kienet eċċitata u kuntenta. Ftit kienet taf li dan kien se jkun l-aħħar film li ġibdet.

Sport