Ilbieraħ, il-Parlament Ewropew approva b’maġġoranza assoluta l-istrateġija għar-reżiljenza tal-ilma, wara rapport importanti ppreżentat mill-MPE Malti Thomas Bajada bħala rapporteur. Dan ir-rapport, l-ewwel wieħed ta’ din in-natura minn Bajada, jagħti prijorità lil dak li hu essenzjali: il-ħarsien u l-immaniġġjar sostenibbli ta’ ilma nadif u sikur, li hu dejjem aktar skars iżda vitali għall-ħajja taċ-ċittadini Ewropej kollha.
Bajada, fid-diskors tiegħu, tenna kif l-ilma hu l-pedament tal-ħajja – mhux biss għall-bniedem, iżda għall-ekonomija u l-ambjent tagħna wkoll. Huwa fakkar li n-nies madwar l-Ewropa qed jiffaċċjaw realtà li mhix teorija imma esperjenza ta’ kuljum: nixfa li qed teqred l-għejjun tal-għajxien, għargħar li jħarbat komunitajiet, u sfidi li sa ftit ilu kienu meqjusa bħala problemi limitati għal ċerti reġjuni biss, issa qed jaffettwaw lil kulħadd.
L-istrateġija approvata tpoġġi l-bniedem fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet. Tirrikonoxxi li l-ilma ma jistax jibqa’ meqjus bħala riżorsa bla tmiem, u għalhekk tagħti direzzjoni ċara biex tingħata prijorità assoluta lis-sigurtà tal-provvista ta’ ilma nadif, is-saħħa pubblika, u s-sostenibbiltà tal-produzzjoni tal-ikel. Dan kollu filwaqt li tappella għal solidarjetà Ewropea li tgħin lil dawk ir-reġjuni li sa issa spiss tħallew waħedhom biex ilaħħqu ma’ kriżijiet ta’ ilma.
Din il-kisba ssaħħaħ l-ambizzjoni fir-rigward tat-tniġġis. Bajada mexxa dawn in-negozjati mal-partiti politiċi fil-Parlament Ewropew, qabel il-vot fil-Plenarja, sabiex jassigura vot aktar b’saħħtu kontra t-tniġġis tal-PFAS – grupp ta’ ‘forever chemicals’ li jippersistu fl-ambjent u joħolqu theddida fuq is-saħħa pubblika. Dan isaħħaħ l-appell tal-Parlament sabiex jiġu eliminati kompletament il-PFAS f’dak kollu li mhux essenzjali – jiġifieri tmur lil hinn mill-verżjoni addottata mill-kumitat.
“Nilqa’ dawn ir-riżultati tajbin wara ħafna ħidma – hekk kif is-saħħa pubblika rebħet fuq il-politika partiġġjana,” stqarr Bajada.
Il-vot tal-lbieraħ bagħat messaġġ qawwi u ta’ għaqda lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu azzjoni immedjata. Bajada fakkar kif il-pajjiżi tal-Mediterran, inkluż Malta, ilhom jgħixu n-nuqqas ta’ ilma għal ħafna snin u kellhom joħolqu soluzzjonijiet innovattivi biex jgħoddu kull qatra. Issa, dan l-għerf u dawn l-esperjenzi qed jiġu kondiviżi fuq livell Ewropew, biex jiġu protetti l-komunitajiet kollha.
“L-ilma hu ħajja u d-dmir tagħna hu li nipproteġuh flimkien. Din l-istrateġija mhix biss investiment fl-infrastruttura iżda investiment dirett f’niesna, fis-saħħa tagħhom u fil-futur tagħhom,” saħaq Bajada. “Il-mument biex naġixxu mhux għada, imma issa.”