Monday, December 9, 2024

Il-PE japprova riżoluzzjoni tal-MPE Daniel Attard dwar ir-repressjoni sistemika tan-nisa fl-Iran

Aqra wkoll

Il-Parlament Ewropew approva riżoluzzjoni ffirmata mill-Ewroparlanentari Laburista Daniel Attard flimkien ma’ Deputati minn gruppi politiċi oħra, li tikkundanna r-repressjoni sistemika tan-nisa fl-Iran.

Ir-riżoluzzjoni fost oħrajn titlob aċċess għall-investigaturi tal-Ġnus Magħquda, azzjoni immedjata għall-ġustizzja mal-vittmi u waqfien mill-oppressjoni u l-intimidazzjoni.

F’diskors fil-plenarja, Daniel Attard qal li “meta nisa fl-Iran jirrifjutaw li jobdu liġijiet li jneżżgħuhom mid-dinjità, ir-reġim isejħilhom perikolużi jew instabbli. Imma l-problema mhix in-nisa li jirreżistu, imma s-sistema li tikkastigahom għax ma jbaxxux rashom.”

Attard insista li din mhijiex biss kwistjoni Iranjana, imma sfida għall-valuri universali. “L-indifferenza hija kompliċità. Ma nistgħux inwettqu kompromessi fuq id-drittijiet tal-bniedem. L-UE trid tmur lil hinn mid-dikjarazzjonijiet, issaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ responsabbiltà, u tieħu pożizzjoni ċara favur il-ħajja, il-libertà, u l-ugwaljanza”.

Bħala Viċi President tad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-Iran, Attard ġedded l-impenn tiegħu li jkun vuċi b’saħħitha fil-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż u lil hinn.

Ekonomija

Sport