Monday, December 9, 2024

Il-President Palestinjan jaħtar suċċessur temporanju 

Aqra wkoll

Il-President Palestinjan, Mahmoud Abbas, ħatar  suċċessur temporanju li jieħu f’idejh it-tmexxija jekk imut jew iħalli l-kariga tiegħu. B’hekk Abbas indirizza tħassib u l-ispekulazzjoni dwar in-nuqqas ta’ persuna fil-kariga warajh.

Fi stqarrija maħruġa tard nhar l-Erbgħa u kkwotata mill-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters, Abbas qal li l-president tal-Kunsill Nazzjonali Palestinjan għandu jservi bħala president interim għal mhux aktar minn 90 jum, li matulhom iridu jsiru l-elezzjonijiet presidenzjali.

Il-president attwali tal-korp ewlieni tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Palestinjani huwa Rawhi Fattouh, li serva wkoll għal żmien qasir bħala mexxej wara l-mewt ta’ Yasser Arafat fl-2004.

Abbas, li llum għandu 89 sena, ilu President Palestinjan mill-2005 u f’dawn l-aħħar snin kellu problemi ta’ saħħa regolari li qanqal spekulazzjoni ripetuta dwar min kien se jieħu postu jekk finalment iwarrab jew imut.

Huwa m’għandux deputat u aktar kmieni dan ix-xahar l-Għarabja Sawdija kienet ħeġġitu biex jaħtar wieħed.

It-tħabbira tal-Erbgħa ttemm l-inċertezza dwar x’għandu jiġri meta jmut Abbas, iżda Fattouh ma kienx imsemmi bħala d-deputat tiegħu, li jfisser li għad ma kien hemm l-ebda viżibilità dwar min jista’ jieħu post Abbas fit-tul.

Sadanittsnt, il-Ministru tal-Agrikoltura tal-Iżrael, Avi Dichter, li hu membru tal-kabinett intern tas-sigurtà, qal lil grupp ta’ ġurnalisti barranin din il-ġimgħa li l-armata Iżraeljana kienet lesta li tokkupa x-Xatt tal-Punent jekk xi ħadd mill-grupp militanti Ħamas jipprova jsir president Palestinjan.

Mahmoud Abbas kien elett għal terminu ta’ erba’ snin fl-2005, iżda minn dak iż-żmien ma saret l-ebda elezzjoni presidenzjali.  Bħalissa huwa ma tantx igawdi fiduċja u popolarita, bi stħarriġ tal-opinjoni li sar f’Settembru juri li 89% tal-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent iriduh jirriżenja mill-kariga.

Ekonomija

Sport