“L-istħarriġ reċenti tal-EY Malta Attractiveness Survey, li sab li 79% tal-investituri jqisu lil Malta attraenti għall-investiment dirett barrani (FDI), qabża ta’ 25% li huwa sinjal inkoraġġanti għall-ekonomija tagħna. Jikkonferma li, minkejja l-isfidi globali tas-snin riċenti, Malta qed tkompli titqies bħala pajjiż stabbli, sikur u li jkattar l-opportunitajiet ta’ investiment barrani.” Qal dan is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja f’kummenti lil dan is-sit
Bugeja qal li l-GWU, bħala l-akbar trejd unjin li tirrappreżenta eluf ta’ ħaddiema fis-setturi kollha tal-ekonomija Maltija, tilqa’ dan l-istħarriġ b’sodisfazzjon u bħala vot ta’ fiduċja fit-tmexxija tal-Gvern u frott il-ħidma ta’ kull wieħed minna. “Juri li l-pedamenti ekonomiċi tal-pajjiż bħal qafas b’saħħtu ta’ servizzi finanzjarji, governanza, infrastruttura diġitali avvanzata, u klima politika u soċjali huma stabbli u sodi. Madankollu, iridu nkomplu naħdmu biex naraw li l-ħaddiem igawdi ukoll minn dan is-suċċess. Jeħtieġ li kulħadd jibbenefika permezz ta’ xogħol deċenti, pagi ġusti, u kundizzjonijiet siguri. Il-progress ekonomiku u dak soċjali għandhom jimxu flimkien.”
Bugeja qal ukoll li l-istess stħarriġ jenfasizza diversi temi li l-GWU ilha titkellem fuqhom fosthom in-nuqqas ta’ ħiliet u t-tagħlim matul il-ħajja. “Din mhijiex biss kwistjoni ekonomika imma wkoll sfida soċjali li taffettwa direttament lill-ħaddiema. Dan jirrifletti li jeħtieġ aktar koordinazzjoni bejn l-edukazzjoni, it-trejd unjins, min iħaddem u l-postijiet tax-xogħol. F’dan il-qasam nemmen li hemm bżonn azzjoni u investiment b’mod urġenti.”
Il-GWU ilha targumenta favur titjib kontinwu tal-ħiliet u taħriġ speċjalment fid-dawl tat-trasformazzjoni teknoloġika u d-diġitalizzazzjoni. Il-ħaddiema ghandhom ikunu fiċ-ċentru ta’ din it-tranżizzjoni.
Bl-istess mod, Bugeja qal li l-kompetittività m’għandhiex titkejjel biss bi spejjeż baxxi jew inċentivi fiskali, iżda bi produttività mibnija fuq l-innovazzjoni, l-inklużjoni, u standards għolja ta’ xogħol u valur miżjud.
Għal din ir-raġuni, il-GWU temmen li d-djalogu soċjali għandu jibqa’ ċentrali għall-istrateġija ekonomika tagħna. Id-deċiżjonijiet dwar l-investiment, il-ħiliet, u l-kompetittività ma jistgħux jitħallew f’idejn is-suq biss. Dawn jeħtieġu djalogu strutturat bejn il-gvern, min iħaddem, u t-trejd unjins — sħubija li tiżgura li l-iżvilupp ekonomiku jissarraf f’avvanz soċjali.
“L-investiment dirett barrani jista’ jkun forza tremenda għat-tajjeb — joħloq impjiegi, jistimula l-innovazzjoni, u jkompli jpoġġi lil Malta bħala ekonomija li tħares ’il quddiem. Id-direzzjoni u deċiżjonijiet li qed jieħu l-Gvern qed juru li huma ġusti u qed iħallu effett fuq il-pajjiż u s-soċjetà Maltija. Effett li għandu jitgawda minn kulħadd,” temm jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-GWU.

