Il-penali minima tal-multi li jinħarġu fuq il-post (on-the-spot fines) se tirdoppja

Aqra wkoll

B’Avviż Legali li se jiġi ppubblikat illum, il-penali minima tal-multi li jinħarġu u jitħallsu immedjatament fuq il-post (on-the-spot fines) se tirdoppja, minn €25 għal €50, jew il-piena minima li diġà tipprovdi l-liġi għal dak ir-reat, skont liema minn dawn tkun l-ogħla.

Dan ifisser li f’każijiet fejn il-liġi diġà tipprevedi piena minima ogħla, tibqa’ tapplika dik il-piena, biex jiġi żgurat li ma tingħatax piena inqas minn dik li l-liġi tqis xierqa għar-reat.

B’hekk qed jissaħħaħ l-infurzar tal-liġi, titjieb il-konformità mar-regoli u l-pieni jkunu aktar ta’ deterrent għal min ikun qed jaħseb li jikser il-liġi.

Dan l-Avviż Legali huwa marbut ma’ dak li ħareġ fil-bidu tax-xahar li għadda li permezz tiegħu issa jistgħu jinħarġu multi li jitħallsu immedjatament fuq il-post (on-the-spot fines) minn persuni li mhumiex residenti f’Malta. Dawn il-multi jkopru reati minuri u kontravenzjonijiet.

B’hekk issa l-ħlas tal-multa jkun jista’ jsir immedjatament fil-ħin tal-kontravenzjoni, u b’hekk jissaħħaħ l-infurzar tal-liġi. Fl-istess ħin, jekk persuna ma tħallasx il-multa, jinżammilha l-passaport jew id-dokument ta’ vjaġġar.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, tenna li anki dan l-Avviż Legali huwa pass ieħor lejn sistema ta’ ġustizzja aktar effettiva u ġusta. Huwa tenna wkoll li, “Qed inkomplu nibnu qafas legali modern li jsaħħaħ ir-responsabbiltà u jżid il-fiduċja fis-sistema tal-ġustizzja.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport