Identità tkompli twassal servizzi b’effiċjenza u sigurtà 

Aqra wkoll

Żieda fl-infurzar u l-ispezzjonijiet 

Reġistrati 2,375 twelid u 2,206 imwiet 

L-Aġenzija Identità ppubblikat statistika tal-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena. Dawn l-istatistiċi jirriflettu l-ħidma tal-Aġenzija matul l-ewwel nofs tas-sena 2026, fejn matulhom Identità baqgħet impenjata li toffri servizz effiċjenti, sigur, aċċessibbli u ta’ kwalità għolja liċ-ċittadini Maltin u resident barranin f’pajjiżna. 

L-Aġenzija Identità b’sodisfazzjon tinnota kif matul din is-sena kompliet issaħħaħ l-infurzar tagħha kemm b’rabta mal-permessi ta’ residenza kif ukoll fuq il-proċessi interni tagħha. Fil-fatt matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena t-Taqsima tal-Compliance fetħet total ta’ 301 investigazzjoni li minnhom 242 ġew konklużi. Magħhom kienu konklużi wkoll 29 każ ieħor, li kienu nfetħu matul is-sena ta’ qabel. 

Matul l-istess perjodu saru wkoll 122 spezzjonijiet inklużi dawk konġunti ma’ entitajiet u awtoritajiet oħra Governattivi. Din tfisser żieda ta’ 30 spezzjoni fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Riżultat ta’ dawn l-eżerċizzji ta’ infurzar issarrfu fiż-żamma ta’ 112-il persuna li għaddew għand il-Pulizija għal aktar investigazzjonijiet u passi legali fil-konfront tagħhom. 

Matul l-istess perjodu l-istess Taqsima tal-Compliance għamlet total ta’ 371 intervista b’rabta mal-Moviment Liberu, kif ukoll aktar minn 3,000 deregistration relatata ma’ talbiet minn sidien ta’ propjetajiet, sabiex ineħħu persuni li jkunu telqu mill-indirizz u ma jkunux għamlu talba ma’ l-Aġenzija biex isir it-tibdil neċessarju. Dan wassal għar-revoka ta’ 407 permess ta’ residenza. 

Bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena r-Reġistru Pubbliku ta’ Malta u Għawdex irreġistraw total ta’ 2,375 twelid ġdid, li minnhom 1,216 kienu subien u 1,159 kienu bniet. F’Malta t-total ta’ trabi kien ta’ 2,209, li minnhom 1,135 kienu subien u 1,074 kienu bniet, filwaqt li f’Għawdex t-total ta’ trabi kien ta’ 166, li minnhom 81 kienu subien u 85 kienu bniet. 

It-total ta’ mwiet irreġistrati f’Malta u f’Għawdex kien ta’ 2,206 li minnhom 1,106 kienu rġiel u 1,100 kienu nisa. F’Malta kien hemm total ta’ 2,004 imwiet irreġistrati, 1,003 raġel u 1,001 mara, filwaqt li f’Għawdex kienu rreġistrati total ta’ 202 mewt, 103 raġel u 99 mara. 

Fiż-żewġ gżejjer kienu rreġistrati total ta’ 956 żwieġ li minnhom 871 kienu rreġistrati f’Malta u 85 f’Għawdex. 

Fejn jidħlu ċ-ċertifikati ta’ Stat Ċivili r-Reġistru Pubbliku ta’ Malta ħareġ total ta’ 40,386 ċertifikat, li kienu jinkludu 19,974 ċertifikat tat-twelid, 7,250 ċertifikat taż-żwieġ u 13,162 ċertifikat tal-mewt filwaqt li r-Reġistru Pubbliku ta’ Għawdex ħareġ 3,030 ċertifikati li jinkludu 1,130 ċertifikat tat-twelid, 412-il ċertifikat taż-żwieġ u 1,488 ċertifikat tal-mewt. 

It-Taqsima tar-Riċerki pproċessat total ta’ 113,151 riċerka, li minnhom 7,884 kienu riċerki Testamentarji, 54,244 kienu Normali, 38,344 kienu Aġġornamenti u 12,679 kienu Riċerki oħra. Fir-rigward tan-Noti ppreżentati b’kollox kien hemm total ta’ 41,917, li 37,169 minnhom saru f’Malta u 4,748 saru f’Għawdex. 

Intant, l-Uffiċċju tal-Passaporti f’Malta ħareġ total ta’ 30,107 passaport ġdid f’diversi kategoriji, skont it-tip ta’ dokument mitlub. Minn dawn 25,193 kienu għal applikanti li applikaw mal-Uffiċċju tal-Passaporti f’Malta filwaqt li 2,001 applikaw fl-Uffiċċju tal-Passaporti f’Għawdex u 2,913 għal applikanti li applikaw f’xi Ambaxxata, Konsolat jew Rappreżentanza Maltija. Dawn iċ-ċifri jinkludu wkoll 89 Emergency Travel Document u 167 Document of Identity. Dawn id-dokumenti jistgħu jintużaw għal vjaġġ wieħed biss u jinħarġu lil ċittadini tal-Unjoni Ewropea u ċittadini minn barra l-Unjoni Ewropea rispettivament, sabiex ikunu jistgħu joħorġu minn Malta. 

Fid-dawl li l-eżerċizzju nazzjonali tat-tiġdid tal-Karta tal-Identità Maltija ġie effettivament konkluż, it-Taqsima tal-Karta tal-Identità irreġistrat tnaqqis. Fil-fatt bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena nħarġu total ta’ 30,334 Karta tal-Identità ġdida għaċ-ċittadini Maltin f’Malta u Għawdex. Minn dawn 1,591 kienu Karta tal-Identità ġdida. F’dawn ix-xhur kompla wkoll is-servizz ta’ tiġdid ta’ dan id-dokument fil-Kunsilli Lokali, fil-fatt b’kollox kienu sottomessi 1,771 applikazzjoni. B’sodisfazzjon l-Aġenzija Identità tinnota li fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena kien hemm aktar minn tmien miljun tranżazzjoni permezz tal-kont tal-eID. 

Dawn iċ-ċifri huma xhieda tal-impenn u l-professjonalità tal-impjegati tal-Aġenzija Identità, li kuljum jaħdmu sabiex iwasslu servizzi siguri, effiċjenti u aċċessibbli. L-Aġenzija se tkompli tinvesti fit-titjib tas-servizzi tagħha, filwaqt li ssaħħaħ is-sigurtà tal-proċessi u tkompli tqiegħed lill-klijent fiċ-ċentru ta’ kull inizjattiva. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport