Il-vjolenza domestika kienet u għadha pjaga soċjali gravi li taffettwa b’mod psikologiku negattiv lill-membri tal-familja kollha, bin-nisa u t-tfal fil-parti l-kbira jkunu l-iktar affettwati. B’danakollu wieħed ma jistax ma jinnotax ukoll iż-żieda li qed ikun hemm fir-rapporti minn irġiel li wkoll qed ikunu vittmi ta’ din it-tip ta’ vjolenza.
L-awtoritajiet f’pajjiżna, f’dawn l-aħħar snin ħadmu kemm felħu biex jindirizzaw il-pjaga tal-vjolenza f’kull forma tagħha. Dan sar u qed isir b’miżuri flokhom li ħallew impatt pożittiv f’dan il-qasam inkluż iż-żieda fil-Maġistrati ffukati biss fuq każijiet ta’ vjolenza domestika filwaqt li ġew allokati aktar seduti sabiex jitħaffef il-proċess f’dawn il-każi.
Illum għandna wkoll diversi hubs speċjalizzati li joffru ambjent aktar aċċessibbli u rispettuż lejn il-vittmi, inkluż b’uffiċjali mħarrġa dwar kif jittrattaw każijiet sensittivi bħal dawn. Dan l-ambjent jippermetti lill-vittmi jitkellmu b’aktar kumdità u mingħajr biża’ dwar il-problema li jista’ jkunu qed jaffaċċjaw.
B’żieda ma’ dan issa hemm element ieħor f’dak li jirrigwardja protezzjoni. Qed nitkellmu dwar il-“panic alarms” li fl-ewwel sena minn meta ġiet introdotta din l-iskema mill-Gvern, kien hemm xejn inqas minn 184 vittma ta’ vjolenza domestika li bbenefikaw minn dan l-apparat. Minn dawn 179 kienu nisa u ħamsa kienu rġiel. F’16-il każ minnhom, il-vittmi ngħataw dan l-apparat aktar minn darba, filwaqt li f’Għawdex tqassmu 10 apparati, kollha lil vittmi nisa.
Dan l-apparat huwa kuntatt effikaċi li l-vittmi ta’ vjolenza domestika jagħmlu mal-Pulizija. Meta jiġi attivat, l-apparat jippermetti rispons immedjat mill-awtoritajiet u b’hekk joffri saff ieħor ta’ protezzjoni lill-vittmi.
Iżda l-iktar importanti jibqa’ l-fatt li wieħed ifittex l-għajnuna meta meħtieġ. Għaliex ikun inutli li jiġu introdotti miżuri, apparati jew mezzi oħra ta’ protezzjoni dawn fl-aħħar mill-aħħar ma jsirx użu minnhom.
Jekk jiġri dan, is-soċjetà tagħna, li ngħixu fiha ta’ kuljum, tkun qed tkompli tipperpetwa l-vjolenza domestika li fl-imgħoddi riċenti sfortunatament rajnieha tespandi wkoll saħansitra għal femiċidji.





