Saturday, May 18, 2024

Il-pensjonanti jibdew jirċievu ż-żieda fil-pensjoni hekk kif kien imħabbar fil-Baġit 2024

Aqra wkoll

Għad-disa’ sena konsekuttiva, qed tingħata żieda oħra lill-pensjonanti kollha fuq iż-żieda għall-għoli tal-ħajja. B’kollox biż-żieda tal-għoli tal-ħajja inkluża, kull pensjonant tal-irtirar, ir-romol, dawk tal-invalidità u dawk li jieħdu l-pensjoni tal-età se jiżdiedu €15 fil-ġimgħa jew €780 fis-sena. 

F’messaġġ fuq Facebook, il-Prim Ministru Robert Abela qal: “Tajna kelma li nkunu Gvern ta’ spalla għall-pensjonanti u dik il-kelma żammejnieha u se nibqgħu nżommuha”.

Sadanittant, f’konferenza stampa, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li “Dak li nwegħdu nwettqu u nagħmluh fil-ħin, hekk dejjem għamilna u ser nibqgħu nagħmlu ġaladarba jibqa’ jkollna l-fiduċja tal-poplu. Il-familji, l-anzjani, in-negozji lkoll jafu fejn qegħdin magħna. L-akbar allokazzjoni tan-nefqa tal-Gvern għal din is-sena, ser tmur fuq il-ħlas tal-pensjonijiet u l-bonus li jitħallas separatament lill-pensjonanti, kontributorji u mhumiex.  B’kollox spiża ta’ ‘l fuq minn biljun u mija u sittin miljun ewro li ser imorru fil-bwiet ta’ madwar 100,000 pensjonant tal-irtirar, tar-romol, tal-invalidità u tal-Età.” 

“Kuntrast bejn dan il-Gvern u dak Nazzjonalista – li bdew jagħtu biss iż-żieda għall-għoli tal-ħajja b’mod sħiħ fis-sena 2008. Dan fl-istess waqt li 22 sena sħaħ ma’ taw l-ebda żieda fil-pensjoni. Imqabbla man-nefqa soċjali li kellna meta dħalna fil-Gvern fl-2013, l-allokazzjoni rekord ta’ biljun u kawżi ħames mitt miljun ewro fuq benefiċċji soċjali għas-sena 2024,  turi żieda ta’ 90 fil-mija, qabża ta’ aktar minn 705 miljun ewro fuq dik t’għaxar snin ilu,” qal il-Ministru Falzon. 

Proprju minn għada se jitħallsu ż-żidiet lill-pensjonanti tal-irtirar, kif ukoll lil dawk li jirċievu l-assistenzi soċjali, inkluż dawk fuq l-assistenzi soċjali: il-benefiċċju kontributorju tal-qgħad, il-benefiċċju tal-mard u l-benefiċċju tal-korriment fuq ix-xogħol. 

Fit-13 ta’ Jannar jitħallsu r-romol li jieħdu ż-żieda dovuta lilhom imħabbra fil-Baġit. Hawnhekk se jitkompla l-proċess li beda fl-2022 sabiex b’mod gradwali r-rata tal-Pensjoni tar-Romol ser tiġi aġġustata sabiex tkun l-istess bħal tal-konjuġi tagħhom meta jiġu nieqsa.

Iż-żieda addizzjonali tista’ tilħaq l-€1.65 fil-ġimgħa, minbarra ż-żieda mħabbra ta’ €15 fil-ġimgħa għall-pensjonanti. Barra minn hekk il-miżuri imħabbra għall-pensjonanti li twieldu qabel l-1962 jistgħu japplikaw għar-romol ukoll skont il-parametri applikabbli. Imbagħad ikun imiss ġimgħa wara fl-20 ta’ Jannar, jitħallsu dawk li huma fuq il-pensjoni tal-invalidità.

Il-Ministru Falzon irrefera wkoll għall-introduzzjoni tal-kunċett ta’ invalidità parzjali. Mis-sena 2024 ‘l quddiem meta l-benefiċċju tal-mard jiġi estiż wara l-ewwel sitt xhur, għall-perjodu addizzjonali ir-rata imħallsa se tibda tkun ugwali għal dik tal-pensjoni tal-invalidità. B’hekk dawk il-persuni li jkunu għaddejjin minn problemi temporanji ta’ saħħa li iżda ma jikkwalifikawx għall-pensjoni tal-invalidità, jekk l-inkapaċità tagħhom għax-xogħol ittawwal għal aktar minn 6 xhur xorta se jibdew jirċievu l-ekwivalenti tar-rata tal-pensjoni tal-invalidità mill-ewwel ġurnata tas-seba’ xahar ‘il quddiem.

Minn dax-xahar ser jidħol fis-seħħ l-istess mekkaniżmu li diġà japplika għal dawk li twieldu fl-1962 jew wara, jigifieri li kull sena jiżdiedu b’persentaġġ li 70 fil-mija tiegħu huwa bbażat fuq iż-żieda fil-pagi u 30 fil-mija fuq iż-żieda fl-inflazzjoni, se jkun japplika ukoll għall-pensjonanti li twieldu qabel l-1962. Dan il-mekkaniżmu kien iddaħħal fl-2006 għal dawk li twieldu mis-sena 1962 ‘il quddiem u dawk li twieldu qabel is-sena 1962 kellhom garantit iż-żieda tal-ogħli tal-ħajja biss.

Gradwalment 53,000 pensjonant li rtiraw wara l-2008 se jkomplu jgawdu mill-proċess li nbeda fl-2022 fejn il-Bonus tal-Għoli tal-Ħajja jitħallas sħiħ bl-ogħla żieda fl-2023 titla’ sa ftit aktar minn €1.00 oħra fil-ġimgħa.

Il-pensjonanti tas-servizz ser jerġgħu jibbenefikaw minn €200 li jiġi eżentat fl-assessjar tal-pensjoni tagħhom, biex is-somma eżentata s-sena d-dieħla ser titla għal €3,466. 

L-inċentiv għal min jibqa’ jaħdem minflok jieħu l-pensjoni kontributorja (u jissodisfa l-contribution average relatat), ser jissaħħaħ mis-sena 2024. Sas-sena 2023, dan l-inċentiv jibda minn żieda addizzjonali ta’ 5% fuq il-pensjoni għal min jipposponi l-pensjoni tiegħu b’sena u jista’ jitla’ sa 23% għal min jipposponi l-pensjoni b’erba’ snin.

Mill-2024   ’il quddiem, kull min ikun jista’ jieħu l-pensjoni tal-irtirar iżda jagħżel li jkompli jaħdem minflok, se jkun intitolat għal żieda ta’ 6.5% (1.5% aktar minn bħalissa), min jipposponi b’sentejn ikun intitolat għal żieda ta’ 13.5% (3% aktar minn bħalissa), min jipposponi bi tliet snin ikun intitolat għal żieda addizzjonali ta’ 21% (4.5% iżjed minn bħalissa), u  għal min jipposponi l-pensjoni b’erba’ snin iż-żieda addizzjonali se tkun ta’ 29%, jiġifieri 6% aktar mir-rata preżenti.

Minn din is-sena, l-istess mekkaniżmu li diġà japplika għal dawk li twieldu fl-1962 jew wara se jkun japplika wkoll għall-pensjonanti li twieldu qabel. Se jitjiebu l-eżenzjonijiet mit-taxxa li japplikaw mill-età ta’ 61 sena ’l quddiem għall-pensjonanti. 

Ser jiżdied ukoll il-bonus għal dawk il-persuni li ma’ ħallsux biżżejjed bolol biex jikkwalifikaw għall-pensjoni. Il-bonus għal min ikun ħallas minn sena sa erba’ snin bolol se jitla’ minn €450 għal €500 waqt li ta’ dawk li ħallsu minn ħames sa disa’ snin bolol se jitla’ minn €550 għal €600 fis-sena.

Il-Ministru Falzon temm jgħid li dawn huma biss ftit mill-miżuri mħabbra għall-budget ta’ din is-sena. “Dawn huma benefiċċji li se jkomplu jagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies, għaliex dan il-Gvern dejjem hemm man-nies, għan-nies.”

Sport