Saturday, December 14, 2024

“Il-PGT-M hu test tajjeb li ma jħallix dubji… Ma naċċettax argument ta’ diskriminazzjoni”

Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, qal li pajjiżna m’għandux jitpaxxa bis-‘second best’ u li niesna jixraqilhom aħjar. Qal li l-viżjoni tagħna għandha tkun li permezz tal-aħħar teknoloġija u mudelli xjentifiċi nirreġistraw aktar suċċessi.

Qal li l-ewwel pass hu li tiżdied l-età tal-eleġibilità, li jiżdiedu n-numru ta’ ċikli bla ħlas minn tlieta għal erbgħa u li jitwessgħu s-servizzi għal koppji li jixtiequ t-tieni wild. It-tieni pass hu li niffaċilitaw id-donazzjoni u l-importazzjoni ta’ gamiti u embrijuni minn barra sabiex il-proċess aħħari jsir f’pajjiżna. F’dan ir-rigward se tkun immassimizzata r-rata ta’ suċċess billi jitneħħa l-ostaklu ta’ affinità.

Il-Ministru Abela kompla jgħid li l-emendi jipproponu IVF u PGT-M f’koppji fejn hemm ċans kbir ta’ mard serju monġeniku. Spjega li f’dawn il-każi, għalkemm rari u iżolati, dan it-test huwa preċiż ħafna akkurat sa 97%. “Fl-opinjoni tiegħi dan it-test huwa test tajjeb u li ma jħallix dubji. Lill-Onorevoli kollegi nassigurahom li fil-mediċina allaħares ma nafdawx testijiet b’dan il-livell ta’ akkurità daqshekk għoli għax li kieku nerġgħu lura għall-Medju Evu. Dwar x’se jiġri mill-embrijuni li jirriżultaw difettivi, il-liġi hi ċara, li dawn se jibqgħu ffriżati,” tenna l-Ministru Abela. “Bir-rata ta’ avvanz fil-mediċina min jista’ jgħid li fil-futur mhux se nsibu kura għal dan il-mard ukoll. Però ma naċċettax l-argument ta’ diskriminazzjoni f’dan ir-rigward. Diskriminazzjoni ta’ xiex? Jekk il-mediċina moderna tgħinna nindunaw li kopji suxxettibbli għal difetti ġenetiċi serji, se jerġa’ jkollhom trawma inkalkolabbli x’etika hi li nerġgħu ngħaddu lilhom u lil uliedhom minn kalvarju bħal dan? Min jien jien li nista’ niċħad koppji bħal dawn iċ-ċans li jkollhom tarbija sana? Id-diskriminazzjoni tiddependi fuq liema angolu tħares minnu.”

Il-Ministru Abela temm jgħid li dawn l-emendi qed jiġu proposti sabiex b’ġustizzja u b’kuraġġ, permezz ta’ xjenza soda u moderna, jiżdiedu s-suċċessi fil-prokreazzjoni li hi tant meħtieġa fil-gżejjer tagħna fejn il-popolazzjoni kulma jmur qed tixjieħ.

Ekonomija

Sport