Thursday, April 25, 2024

Il-picnic areas tal-Miżieb u tal-Aħrax ser jibqgħu miftuħin kompletament għall-pubbliku, b’obbligu ta’ immaniġġjar u ta’ żamma tal-indafa għall-FKNK

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg, il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u l-Kostruzzjoni Chris Agius ippresedew fuq l-iffirmar ta’ żewġ ftehimiet li saru bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-FKNK u l-Awtorità għar-Riżorsi Ambjentali u l-FKNK. Dan wara deċiżjoni kollettiva mill-Kabinett tal-Ministri u l-approvazzjoni mill-Bord tal-Gvernaturi fl-Awtorità tal-Artijiet. Dawn il-ftehimiet se jintroduċu numru ta’ obbligi għall-immaniġġjar tal-art tal-Miżieb u tal-Aħrax mill-FKNK filwaqt li jippermettu aċċess għall-pubbliku.

Fost l-obbligi introdotti, hemm inklużi l-manutenzjoni, iż-żamma tal-indafa u ż-żamma ġenerali tas-siti, is-saħħa u s-sigurtà fuq is-siti u sinjali ċari. Dan speċjalment għax id-dawra tal-kosta ser tibqa’ fid-dominju pubbliku u s-siti jridu jibqgħu aċċessibbli għall-pubbliku filwaqt li l-partijiet designati għall-kaċċa wkoll iridu jibqgħu aċċessibbli bl-esklużjoni ta’ ħinijiet fissi u mmarkati b’mod ċar waqt l-istaġun tal-kaċċa. L-FKNK se tkun obbligata wkoll timmarka spazji dedikati bħala picnic areas u siti tal-kampeġġ għall-pubbliku u se jkun qed jingħata aċċess sħiħ lill-uffiċjali tal-konservazzjoni sabiex jiżguraw li tiġi mħarsa l-liġi u ma jsir l-ebda abbuż jew kaċċa illegali, filwaqt li se jinħoloq joint monitoring board li jinkludi wkoll rappreżentanti tal-kunsill lokali biex ikun żgurat li l-obbligi qed jintlaqgħu b’mod sħiħ.

Il-Ministru Ian Borg qal, “Qegħdin naraw li nikkonsolidaw l-affarijiet b’mod tajjeb. Qegħdin nagħtu aċċess u spazju dedikat lil dawk li jippratikkaw il-kaċċa, bħalma naraw f’diversi pajjiżi oħra madwar id-dinja fejn ikollhom spazji apposta waqt l-istaġuni tagħhom. Imma dan qed nagħmluh ukoll b’numru ta’ responsabilitajiet u obbligi għax nemmnu li l-ambjent naturali jinsab fil-qofol tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin. Għalhekk irridu naraw li d-dominju pubbliku jkun protett, li jkollna spazji aċċessibbli u miżmuma tajjeb biex il-kwalità tal-ħajja tan-nies tkun tista’ tkompli titjieb filwaqt li nagħtu spazju wkoll għall-prattika ta’ passatemp popolari lil din l-għaqda mhux governattiva”.

Il-Ministru Aaron Farrugia qal li huwa fl-interess ta’ kulħadd li nassiguraw l-immaniġġjar tajjeb u l-protezzjoni tas-siti naturali kollha ta’ pajjiżna. “L-irwol tagħna bħala ministeru, flimkien mal-ERA, hu li nassiguraw li l-organizzazzjoni tissalvagwardja l-ambjent naturali tas-siti fil-ftehim. Dan isir permezz ta’ numru ta’ obbligi li l-ERA tpoġġi fuq il-ftehim kif ukoll permezz tad-direttorat tal-awtorità li jieħu ħsieb l-infurzar. Wara d-deċiżjoni tal-gvern li jifformalizza l-ftehim li permezz tiegħu dawn iż-żewġ żoni jaqgħu formalment taħt ir-responsabilità tal-amministrazzjoni tal-FKNK, il-Ministeru għall-Ambjent, flimkien mal-ERA, mexxejna ’l quddiem ftehim addizzjonali biex tiġi assigurata amministrazzjoni xierqa tas-siti, implimentazzjoni ta’ numru ta’ miżuri ambjentali, moniteraġġ u rondi ta’ infurzar, attivitajiet edukattivi u ta’ għarfien kif ukoll l-involviment xieraq tal-partijiet interessati. Il-ftehim qiegħed jiżgura wkoll li l-passaġġi u t-toroq pubbliċi kollha jibqgħu miftuħa għall-pubbliku l-ħin kollu,” qal il-Ministru Farrugia.

Il-Ministru Clint Camilleri responsabbli mis-settur tal-kaċċa u l-insib qal li dan il-gvern kontinwament ikompli jaħdem biex jissalvagwardja d-delizzju tal-kaċċa u tal-insib. Semma li l-kaċċaturi u n-nassaba jafu fejn qegħdin ma’ dan il-gvern għaliex qatt ma daħaq bihom. Il-Ministru Camilleri rrimarka li b’dawn il-ftehimiet l-FKNK qed jassiguraw ukoll li jieħdu ħsieb il-post u li l-passaġġi pubbliċi jibqgħu miftuħin għall-pubbliku.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius qal li permezz ta’ dawn il-ftehimiet, dawn l-artijiet se jkunu qed jiġu organizzati sabiex filwaqt li l-FKNK ikunu jistgħu jipprattikaw id-delizzju tagħhom, dawn jintrabtu għall-manutenzjoni u għaż-żamma ta’ dawn is-siti. Saħaq li dawn is-siti se jibqgħu aċċessibbli għall-pubbliku ħlief waqt ħinijiet speċifiċi fl-istaġun kif dejjem kien jiġri. Id-differenza hija li l-ftehim formali li qiegħed isir se jkun qed iwassal għal sinjali aktar speċifiċi, ħarsien u manutenzjoni obbligatorja mill-istess għaqda.

Sport