Tuesday, May 14, 2024

IL-PJAGA TAL-BULLYING F’PAJJIŻNA

Aqra wkoll

Dawn l-aħħar jiem sirna nafu b’każijiet ta’ bullying fuq tfal u adoloxxenti taħt it-18-il sena. Saħansitra kien hemm anke filmati fuq il-mezzi soċjali li wrew tifla tiġi attakkata minn grupp ta’ studenti ftit ‘il bogħod mill-iskola li kienu qed jattendu. Fortunatament kemm il-pulizija kif ukoll il-Ministeru tal-Edukazzjoni ħadu azzjoni f’waqtha f’dan ir-rigward.

Xhieda ta’ kemm il-problema tal-bullying għadha prevalenti tidher minn statistika li ngħatat fil-Parlament mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri li fiha rriżulta illi l-aħħar każi ta’ bullying li ġew irrapportati lill-Pulizija saħansitra seħħew ftit tal-jiem ilu, fis-26 ta’ Jannar li għadda. Dan jirrifletti li l-pajjiż għad fadallu ħafna x’jagħmel biex din il-pjaga jekk ma tispiċċax għalkollox, almenu titnaqqas kemm jista’ jkun. 

Il-bullying fih innifsu huwa kundannabbli għax iħalli effetti negattivi mhux biss psikoloġiċi imma anke li jnissel sens ta’ biża’ u inferjorità fuq il-vittmi. Minbarra l-vittmi nfishom hemm ukoll il-familji tagħhom li jgħaddu minn martirju sħiħ meta jaraw lil uliedhom trattati b’dak il-mod saħansitra anke fil-klassijiet fejn suppost tingħata edukazzjoni ċivika li twassal biex iż-żgħażagħ tal-lum jitilgħu bħala ċittadini denji ta’ dan il-pajjiż. 

Għaldaqstant, nibqgħu nsostnu li hemm ħtieġa ta’ aktar azzjoni fosthom b’kampanji edukattivi u ta’ għarfien sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ dan it-tip fil-ġejjieni. Għandna għax nifhmu li d-diskussjonijiet bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-għaqdiet tal-għalliema diġà nbdew u nittamaw li waqt dawn id-diskussjonijiet jinstabu s-soluzzjonijiet għall-benefiċċju ta’ dawk li huma jew li jistgħu jkunu vittmi tal-bullying.

Ninnotaw ukoll b’sodisfazzjon illi se jkun illeġiżlat is-cyber bullying, li jinvolvi wkoll ħafna tfal fuq il-mezzi soċjali. Dan flimkien mas-cyber stalking, se jkun meqjus bħala reat li jġorr miegħu pieni ħorox fejn min jinstab ħati jista’ jeħel piena sa ħames snin priġunerija jew multa ta’ mhux iżjed minn €30,000 jew din il-multa u priġunerija flimkien.

Dan juri kemm il-Gvern, bl-abbozz ta’ liġi li ressaq fil-Parlament, qiegħed jieħu azzjoni bis-serjetà bil-għan li jwaqqaf reati ta’ dan it-tip għall-protezzjoni tas-soċjetà però l-iktar għal dawk li huma minorenni u vulnerabbli f’pajjiżna. 

Sport