Sunday, November 24, 2024

Il-PL b’distakk ta’ 12.8 fil-mija fuq il-PN

Aqra wkoll

Hekk kif il-kampanja elettorali daħlet fl-aħħar tat-tielet ġimgħa tal-kampanja tagħha, il-polz tal-elettorat qed juri li d-distakk bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista huwa ta’ 12.8 fil-mija favur il-Partit Laburista.

Dan jirriżulta mit-tielet stħarriġ ikkummissjonat minn IT-TORĊA f’din il-kampanja elettorali u li sar mill-istatistiku Dott. Vincent Marmara. 

Id-distakk f’dan l-istħarriġ hu ta’ 0.6 fil-mija aktar minn dak tal-istħarriġ pubblikat il-ġimgħa li għaddiet.

Jekk wieħed jikkunsidra turnout ta’ 88 fil-mija dan ir-riżultat ipoġġi d-distakk ta’ madwar 39,000 vot favur il-Partit Laburista.

Jekk wieħed jikkunsidra turnout simili bħal dak tas-sena 2017, dan ir-riżultat ipoġġi d-distakk ta’ madwar 41,000 vot favur il-Partit Laburista.

Li kieku kellha ssir elezzjoni ġenerali għada, il-Partit Laburista jikseb 55.5 fil-mija tal-fiduċja tal-elettorat, waqt li l-Partit Nazzjonalista jikseb 42.7 fil-mija. Partiti oħra għandhom l-appoġġ ta’ 1.8 fil-mija tal-elettorat.

Elezzjoni Ġenerali

Id-distakk bħalissa bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista f’każ ta’ Elezzjoni Ġenerali għada huwa dak ta’ 12.8 fil-mija favur il-Partit Laburista.

Meta wieħed japplika mudell xjentifiku fuq dawk li rrifjutaw li jwieġbu jew huma indeċiżi, wieħed ikun jista’ jsib ‘replacement’ xjentifika għal dan il-grupp ta’ nies. Dan il-metodu jissejjaħ Multiple Imputation Technique u b’hekk wieħed jipprova joħroġ ir-riżultat aktar ċar tar-riżultat finali ta’ dak li jista’ jiġri.

B’hekk il-prediction tar-riżultat f’każ ta’ elezzjoni ġenerali għada huwa, 55.5 fil-mija jivvutaw lill-PL 42.7 fil-mija jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista u 1.8 fil-mija jivvutaw ADPD jew partiti oħra.

Sport