Friday, December 13, 2024

“Il-PL bi pjan ekonomiku ċar sabiex inkomplu ntejbu l-livell tal-għajxien tagħna” – Fleur Vella

Aqra wkoll

Fleur Vella hija persuna li tieħu dak kollu li tkun qed tagħmel b’serjetà, hija perseveranti, sinċiera, għandha rispett lejn kull ħlejqa, temmen ħafna fl-integrità u temmen li għandha tinżamm ħajja bilanċjata bejn xogħol u familja.

Minn fejn bdiet din l-imħabba għall-attiviżmu u għall-politika?

“Nista’ ngħid li l-politika għalija hija vokazzjoni u ħafna deċiżjonijiet tiegħi kienu mmexxija minn din il-vokazzjoni. Studjajt l-Ekonomija fil-livell ta’ Baċellerat bl-unuri, kif ukoll għamilt Masters fl-amministrazzjoni tan-negozji. Għalkemm stajt għażilt karriera fiċ-ċivil, għażilt li naħdem fis-settur privat. Ridt li nkun kapaċi nifhem l-ekonomija — li hija l-mutur ta’ kull pajjiż u kruċjali għal kull politika, kif ukoll ridt nifhem sew is-settur privat.”

Għalfejn ħasset li kellha tagħmel dan il-pass proprju issa?

“Nemmen li, bejn l-edukazzjoni li għandi, kif ukoll 16-il sena esperjenza fis-settur privat, issa huwa ż-żmien fejn għandi l-iktar x’nagħti lura lil pajjiżi.”

X’inhu s-sigriet biex tagħmel dan kollu u ssib ħin għal kollox?

“Nippjana ħafna u nipprova nnaqqas kemm nista’ ħin moħli.”

Skont Fleur, x’inhuma l-akbar sfidi li qed jitkellmu fuqhom in-nies li tiltaqa’ magħhom ta’ kuljum waqt il-home visits? 

“L-iktar ħaġa li tinkwieta lin-nies hija li jkollhom livell ta’ għajxien tajjeb mhux biss mil-lat materjali iżda anke li jkollhom ħin igawdu lill-familja tagħhom f’ambjent pjaċevoli.”

Tlabna lil Fleur tispjegalna kemm għadu validu t-twemmin politiku li jenfasizza ħafna fuq il-prinċipji Soċjalisti li għadu jħaddan il-Partit Laburista

“Partit Laburista dejjem ħadem għall-ġid taż-żgħir jew tal-batut fis-soċjetà. Huwa partit li dejjem baqa’ f’kuntatt u jisma’ lin-nies, anke dawk l-iktar umli. Għalhekk għażilt li nkun parti mill-Partit Laburista. Hekk irrid inkun, man-nies u naħdem għan-nies.

L-ikbar kisba għalija kienet iċ-childcare b’xejn. Dan wassal biex kulħadd kellu aċċess għall- metodu sabiex jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum filwaqt li wliedu jkunu indukrati. Dan neħħa piż kbir minn fuq in-nanniet kif ukoll ta kuraġġ lin-nisa li llum jafu illi jistgħu tassew jinvestu fihom infusom biex ikollhom karriera, u mhux ikollhom itemmu kollox mal-ewwel tarbija. 

Kisba kbira wkoll kienet il-maternity leave mħallas minn maternity fund. Qabel kien jaqbillek finanzjarjament li timpjega raġel u mhux mara ħalli ma jkollokx għal xiex tħallsu waqt li jkun qiegħed irabbi lil uliedu. Illum min jimpjega jħallas ammont żgħir ta’ flus għall-maternity fund għal kull impjegat, irrilevanti hux mara jew raġel. Għalhekk ma tagħmilx differenza timpjegax mara jew raġel. Kemm iċ-childcare b’xejn kif ukoll il-maternity fund għenu biex in-nisa jkunu aktar viċin l-ugwaljanza u jkollhom mezz biex jilħqu l-potenzjal tagħhom.

Riċentement, waqt żmien ta’ pandemija, il-Gvern kellu jara kif l-ekonomija setgħet tibqa’ għaddejja. L-iktar għajnuna li laqtitni kienet l-għajnuna biex negozji u anke l-Gvern ikunu jistgħu jħallu ħaddiema jaħdmu mid-dar. Ili nistudja dan il-metodu ta’ xogħol sa mis-sena 2000. Ir-reżistenza enormi li kien hemm kienet megħluba kompletament waqt il-pandemija. Ambjent ta’ uffiċini sar ta’ riskju għall-ħaddiema u għalhekk kellha tinstab soluzzjoni biex ix-xogħol ikompli għaddej mingħajr xkiel ta’ xejn. Il-possibiltà li taħdem mid-dar kienet għajnuna imprezzabbli sabiss jonqos it-traffiku żejjed u jkun jista’ jintlaħaq bilanċ aħjar bejn xogħol u ħajja privata. Il-ħin li kien jinħela fit-traffiku, illum ħafna ħaddiema jistgħu jgħadduh mal-familja. Dan japplika wkoll b’mod speċjali għall-ħaddiema Għawdxin.”

Jekk tingħata l-fiduċja, Fleur, x’timbru tixtieq tħalli bħala Membru Parlamentari?

“Il-ħolma tiegħi għal Malta hija li l-familji jkollhom ċans igawdu l-ġmiel ta’ dan il-pajjiż flimkien. Dan jista’ jintlaħaq billi naraw li l-familji jkollhom biżżejjed ħin liberu. Għandna wkoll nipproteġu l-ambjent u l-wirt storiku imprezzabbli li għandna. Importanti wkoll li ntejbu l-kundizzjonijiet ta’ ħafna postijiet li hawn mitluqa. Partit Laburista huwa kommess li jonfoq €700 miljun fuq medda ta’ seba’ snin sabiex ikollna verament spazji ta’ rikreazzjoni li huma tant importanti għas-saħħa tal-bniedem, kemm fiżika kif ukoll dik mentali.

Żvilupp ta’ dawn is-siti mitluqa għal użu rikreazzjonali jżidu l-valur ta’ gżiritna. Dan iġib miegħu livell ta’ għajxien aħjar għall-Maltin kollha kif ukoll jattira iktar turisti u investituri lejn pajjiżna. B’hekk inkunu nistgħu nkomplu nkabbru l-ekonomija tagħna u nsostnu s-servizzi soċjali, bħall-pensjonijet u s-servizzi għal nies b’diżabilità.”

Il-Partit Laburista fil-Gvern issa diġà għamel bosta riformi. Fis-snin li ġejjin, Fleur, kif tara li l-Partit jista’ jibqa’ qrib il-poplu u jibqa’ jiġġedded?

“Nemmen li n-nies fi ħdan il-Partit Laburista huma nies dejjem miftuħa għall-ideat u nies ġodda. Dan il-ftuħ lejn nies u ideat ġodda huwa l-uniku metodu biex il-partit ikompli jiġġedded u jibqa’ qrib in-nies.”

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Fleur xtaqet twassal messaġġ finali lill-elettorat Malti…

“Il-Partit Laburista għandu pjan ekonomiku ċar li nkomplu ntejbu l-livell tal-għajxien tagħna billi ninvestu f’pajjiżna biex nagħmluh aħjar u jkun attraenti mhux biss għalina iżda anke għat-turisti u l-investituri barranin. Dan iwassal għall-kreazzjoni ta’ ġid ekonomiku li jwassal biex inkunu nistgħu nsostnu lil dawk il-persuni l-iktar fraġli fis-soċjetà tagħna. 

Meta nara oppożizzjoni bl-ekonomista li kellha titlaq mill-partit, lejliet l-elezzjoni, nistaqsi:  ‘Nistgħu nafdaw il-futur tagħna f’idejn xi ħadd li lanqas kien kapaċi jżomm il-familja politika tiegħu magħquda?’”

Ekonomija

Sport