Sunday, December 29, 2024

“Il-PL għandu jibqa’ l-leħen tal-maġġoranzi u l-minoranzi f’pajjiżna”

Dr Joseph Muscat

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Partit Laburista, fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, tella’ l-Konferenza Ġenerali Annwali tiegħu fejn spikkaw id-diskorsi viżjonarji ta’ dawk li indirizzaw din il-konferenza. Fid-dawl ta’ dan, dan is-sit ħa l-fehma ta’ żewġ eks Prim Ministri u eks Mexxejja tal-Partit Laburista – Dr Joseph Muscat u Dr Alfred Sant – dwar kif jaraw il-futur tal-Partit Laburista bħala organizzazzjoni politika u anke kif jista’ l-partit jixpruna lill-Gvern f’diversi oqsma ta’ interess għas-soċjetà inġenerali. 

Fil-fehma tiegħu, Dr Muscat qal li “hekk kif il-Gvern Laburista wettaq u qed ikompli jwettaq bidliet kbar f’pajjiżna, u kif qal il-Prim Ministru, bla biża’ mill-kritika li xorta se tiġi, hemm sfidi ġodda li l-Partit irid jaddatta għalihom. Ewlenin fosthom hija li ma jkunx sempliċiment estensjoni tas-sistema governattiva, iżda aktar sors ta’ enerġija u gwida ta’ prinċipji għall-istess Gvern.

“Dan isir aktar importanti f’kuntest bla preċedent f’pajjiżna fejn il-Partit Nazzjonalista, ngħid jien sfortunatament (u mhux nagħmel dan b’ironija), qed jitlef ir-relevanza tiegħu għax għandu kriżi ta’ identità minħabba l-fatt li hu aktar mehdi f’elitiżmu milli li verament jifhem dak li għaddejjin minnu l-familji u negozji f’pajjiżna.

“Hawn tiġi kemm l-isfida u l-opportunità tal-Partit Laburista, li jkun hu li jimla dan il-vojt li ħalla l-PN u jirrappreżenta hu mal-Gvern l-ilħna tal-maġġoranzi u minoranzi f’pajjiżna, lil hinn mill-ħitan tal-partit.  Dan huwa l-mod gdid kif il-Partit Laburista jista’ jibqa jservi u jkattar il-Moviment li għad hemm bżonnu f’pajjiżna.

Min-naħa tiegħu, Dr Alfred Sant stqarr li “l-PL irid ikun vuċi differenti minn tal-Gvern Laburista imma waħda li tagħtih is-sostenn kollu. Tagħmel dan anke billi tisħaq fuq il-gvern biex dak li jkun qed jagħmel, tajjeb kemm ikun tajjeb, jibqa’ jitjieb. Irid jirrifletti dejjem aktar x’inhuma jaħsbu u xi jridu l-Laburisti u fejn dawn ikunu qed jistennew u jridu “wisq” ifiehem għaliex hu hekk. Fuq kollox, il-PL irid iżomm preżenza ħajja u attiva fost iż-żgħażagħ, in-nisa u l-anzjani. Bla dubju dil-ħidma qed issir imma jeħtieġ tingħata aktar viżibiltà. Il-PL ma jridx jidher li qed jirrepeti biss dak li jgħid il-gvern jew li qed iservi bħala mod kif wieħed jikseb xi iimpjieg jew benefiċċju mill-gvern. Madankollu, dejjem hi ħaġa diffiċli għal partit li jkun fil-gvern biex jilħaq dawn l-għanijiet mija fil-mija.”

Ekonomija

Sport