Wednesday, December 25, 2024

“Il-PL għandu kandidati kapaċi li lesti jagħmlu l-kwalità ta’ ħajjet in-nies aħjar”

Aqra wkoll

Oliver Scicluna ilu attivist għal diversi snin fejn nafuh bħala Chairman tal-Kummissjoni Nazzjonali tal-Persuni b’Diżabbilta’. Serva f’diversi entitajiet fosthom l-MCCF, il-Kummissjoni għall-Kummerċjalizzazzjoni tal-Isport, il-Kunsill Malta għas-settur tal-volontarjat, il-Kumitat Azzjoni Soċjeta Ġusta il-FITA u l-NCPE.

Fit-18 ta’ Jannar 2021 hu kien co-opted sabiex ikun membru parlamentari. Scicluna jiddeskrivi din il-ġurnata bħala waħda speċjali għalih. Hu dejjem mexxa ‘l quddiem is-suġġett tad-diżabbiltà u ħadem sabiex dawn il-persuni jkollhom id-drittijiet tagħhom imħarsa. 

“In-nies minn dejjem jafuni li kont, għadni u nibqa’ nitkellem dwar aktar ugwaljanza. Illum jien bniedem li ninsab fil-politika. Se nipprova nadotta l-istil tiegħi għax nixtieq viżjoni ġdida ta’ kif il-bniedem iħares lejn il-politiku. Hemm bżonn ta’ ħsieb kritiku u anke li n-nies jevalwaw sew il-politiċi. Irrid nies li jagħtu l-ħsieb tagħhom lill-politiku, li ma jiddejqux jikkritikawh fejn hemm bżonn.”

“Illum il-ġurnata qed naraw numru kbir ta’ persuni li bl-Ingliż insejħulhom floaters. Nemmen li dawn se jkomplu jiżdiedu u huma jistgħu anke jiddeterminaw fejn se jmur ir-riżultat tal-elezzjoni. Xorta fadal nies li jibqgħu fidili lejn il-partit tagħhom għalkemm illum kulħadd jaf jevalwa l-affarijiet sew.”

Scicluna jitkellem dwar il-mument meta ġie co-opted fil-parlament. Hu qal li qatt ma xtaq jidħol bħala membru parlamentari għalkemm ħafna nies bdew iħajruh sabiex joħroġ għall-elezzjoni. Meta imbagħad kellmu l-Prim Ministru preżenti Robert Abela, għal darba tnejn ma setax jgħid le. 

F’dawn l-ewwel xhur fil-parlament, Oliver Scicluna jgħid li tgħallem ħafna. Hu veru li għall-bidu ħassu stramb għax kienet realta’ ġdida għalih iżda bil-mod il-mod beda jidra bir-responsabbiltajiet li ġie fdat fihom.

Il-membru parlamentari Laburista jgħidilna li l-politika hi sabiħa għax isservi lin-nies, tiltaqa’ magħhom, tisma’ x’għandhom xi jgħidu u tipprova twettaq deċiżjonijiet għall-ġid tagħhom.

Għalih din se tkun l-ewwel elezzjoni li se jkun qed jikkontesta. Hu ħiereġ fit-tieni distrett li jinkludi l-Birgu, l-Isla, Bormla, Ħaż-Żabbar, il-Kalkara, ix-Xgħajra u parti mill-Fgura kif ukoll ir-raba’ distrett li jinkludi Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, Santa Luċija, il-Gudja u parti mill-Fgura. 

“Personalment onorat li se nkun qed noħroġ f’dawn id-distretti partikolarment fil-Birgu li hi belt twelidi. Jien se nkun qed nirrappreżenta l-vuċijiet tan-nies mingħajr distinzjonijiet ta’ kulur. Meta politiku jidħol għal din il-biċċa tax-xogħol ma jistax jiddistingwi bejn blu u aħmar għax hu qed jirrappreżenta lill-Maltin u l-Għawdxin kollha.”

Saqsejna lil Scicluna dwar is-sigriet li għandu sabiex ilaħħaq mal-familja u l-politika.

“Biex inkun onest miegħek, bħalissa m’għandi ħin għal xejn minħabba li l-politika qed teħodli ħafna mill-ħin tal-ġurnata. It-tfal u l-mara ftit qed narahom għalkemm qed nipprova nagħmel bilanċ sabiex huma wkoll ikollhom il-ħin tagħhom f’dan iż-żmien tant impenjattiv.”

“Fl-istess waqt nixtieq ukoll insib ħin għalija ukoll. Jien bniedem li naħdem ħafna u għalhekk hemm bżonn li norganizza ruħi sabiex anke jien ikolli ħin ta’ kwalita’.”

Kien hawn li Scicluna tkellem dwar fattur ferm importanti li għandu jiġi kkunsidrat. Hu qal li jrid nies li ma jgħaddux ħajjithom jgħixu biex jaħdmu. Fil-manifest elettorali hemm diversi punti interessanti fosthom l-urban greening fejn se jagħtu lill-familji Maltin u Għawdxin aktar spazji mifuħa sabiex ikunu jistgħu jgawduhom.

Iżda x’inhuma l-isfidi li qed isemmu n-nies waqt iż-żjarat li Oliver Scicluna qed jagħmel fid-djar?

“Ħafna qed isemmu l-għoli tal-prezzijiet u ovvjament il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna li b’xi mod tolqot lil kulħadd minħabba materjal li jiġi minn dawn il-pajjiżi.”

“In-nies juruk li jridu Prim Ministru kompetenti li kapaċi jmexxi lil Malta anke f’mumenti xejn faċli fosthom dak li ġara bil-pandemija tal-COVID-19. Fl-istess waqt il-kostitwenti tiegħi jgħiduli li mhux kollox miexi fuq ir-rubini u li rridu nindirizzaw xi punti fosthom il-housing fil-Kottonera b’diversi familji li għadhom bil-liġi tal-kera ta’ qabel is-sena 1995. Qed naraw ukoll li l-prezzijiet ta’ ċerti kirjiet għolew u rridu nindirizzaw problema importanti sabiex nies li joqogħdu fil-Kottonera jibqgħu jagħmlu dan għax nistgħu nispiċċaw nitilfu xi affarijiet kulturali li tant hi miżgħuda din iż-żona tal-pajjiż. . Ma nistax ma nsemmix il-festi li tant huma popolari, il-Ġimgħa l-Kbira u l-Irxoxt.”

“Inżur anzjani li jfaħħru l-mod ta’ kif il-gvern qed iżid il-pensjonijiet tagħhom u diversi familji żgħażagħ faħħru l-iskema ta’ child care b’xejn li qed tgħinhom sabiex imorru jaħdmu.”

Oliver Scicluna tkellem dwar il-prinċipji soċjalisti li għandu l-Partit Laburista. Dawn għadhom validi sal-lum il-ġurnata għax dan hu partit li dejjem għen liż-żgħir iqum fuq saqajh. Fl-istess ħin, dan il-moviment qed isir dejjem aktar progressiv speċjalment meta daħħal diversi liġijiet fosthom id-divorzju, id-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ u il-liġi tal-użu responsabbli tal-kannabis. Skont Scicluna, dawn huma riformi li wrew kemm il-Partit Laburista jemmen fl-inklużjoni u fl-ugwaljanza.

Iżda jekk jingħata l-fiduċja mill-kostitwenti tiegħu u eventwalment isir membru parlamentari, x’timbru jixtieq li jħalli man-nies?

“L-ewwel u qabel kollox irrid inkompli nkun viċin in-nies, ma nwiegħedx affarijiet fl-arja u fejn hemm bżonn nagħmel kritika lill-partit tiegħi stess għax xogħli hu li jekk l-affarijiet ma jkunux sejrin tajjeb u n-nies qed issemma’ leħinha, jien inkun hemm għall-interessi tagħhom”

“Jien bħala Oliver Scicluna ma nqisx ruħi dak li bl-Ingliż isejħulu yes man, li kollox jgħaddi. Dejjem se nkun id f’id mal-mexxej iżda l-punt tiegħi rrid nagħmlu.”

Scicluna jgħid li l-Partit Laburista mhux supperv man-nies, lest li jisma’ u fejn żbalja se jkun qed jirranġa u bil-fatti juri li hu moviment serju. Hu jikkuntrasta dan kollu mal-Partit Nazzjonalista li qatt ma kien jisma’ minn ħadd u jagħmel fattih.

Finalment tlabna lil Oliver Scicluna sabiex jgħaddi l-aħħar messaġġ lill-elettorat Malti li se jkun qed jivvota fis-26 ta’ Marzu li ġej.

“Importanti f’dan l-istadju li n-nies jagħżlu politiċi skont il-kwalifiċi u l-kapaċitajiet tagħhom. M’għandnix nigglorifikaw lill-politiċi qishom xi ċelebritajiet tal-ispettaklu. Din hi xi ħaġa li għalija ddejjaqni għax il-politiku hu bniedem normali li daħal għal din il-biċċa xogħol sabiex iservi lin-nies.”

“Il-Partit Laburista għandu kandidati kapaċi u b’enerġija żagħżugħa li lesti jagħmlu l-kwalità ta’ ħajjet in-nies aħjar.”

Ekonomija

Sport