Thursday, April 25, 2024

Il-PL jgħid li d-differenza ċara bejn Abela u Grech hija l-kredibbiltà

Aqra wkoll

“Id-differenza bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni hi waħda ċara. Il-kredibbiltà. Kap tal-Oppożizzjoni li jgħid li l-inċentivi, il-miżuri u l-opportunitajiet huma ħela ta’ flus u Prim Ministru u Gvern li jagħti kull opportunità biex kulħadd jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu.”

Dan kien il-messaġġ ewlieni mill-President tal-Partit Laburista Ramona Attard, il-Ministru Byron Camilleri u l-kandidata tal-Partit Laburista Cressida Galea waqt konferenza tal-aħbarijiet. 

Il-President tal-Partit Laburista Ramona Attard qalet li l-Gvern biddel il-mod ta’ kif il-poplu Malti u Għawdxi ikun qed jistenna għal budget. “Il-Kap tal-Oppożizzjoni iqis il-budget bħala ħela u tberbiq ta’ flus. Dan ifisser li kieku kien hu Prim Minsitru, ma jiżdidux l-istipendji u l-pensjonijiet, filwaqt li t-taxxa fuq l-overtime u part-time ma tonqosx, u t-trasport pubbliku ma jiġix b’xejn… Għall-kuntrarju, ninsab kuntenta li l-viżjoni li ġiet imnedija fil-konferenza tal-Partit Laburista ‘Inġeddu Malta flimkien’ qed tiġi attwata permezz ta’ dan il-Budget.”

Il-Ministru Byron  Camilleri spjega kif “l-Oppożizzjoni hija mhedija b’ton negattiv, sintomu ta’ politika tal-bieraħ. Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru, saqajh mal-art, b’viżjoni għal pajjiżna. Bernard Grech żbalja fuq fatti bażiċi tul id-diskors li ppreparawlu, fosthom, dwar il-housing soċjali, pensjonijiet u l-miżura dwar propjetà f’Urban Conservation Area u dwar kif Malta għandha l-akbar piż ta’ dejn. Bernard Grech lanqas jista’ jkun kredibbli fejn tidħol il-politika fiskali.” 

Il-kandidata tal-Partit Laburista Cressida Galea sostniet li l-budget li ġie preżentat għas-sena d-dieħla huwa l-iżjed budget soċjali waqt pandemija. “Eluf ta’ nies qed jingħataw aktar dinjità għax il-Gvern ma nesiex lin-nies waqt il-pandemija. Permezz tal-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika, ġew salvati 100,000 impjieg u minkejja l-isfidi, il-Gvern ma żied l-ebda piż fuq il-familji. Dan apparti li l-Gvern qed jagħmel l-ikbar investiment fl-infrastruttura, favur l-ambjent u s-sostennibilità, għad-diżabilità, u Għawdex.” 


Sport