Monday, May 13, 2024

Il-PL jibda s-sena iktar b’saħħtu

STĦARRIĠ POLITIKU

Aqra wkoll

Li kieku kellha ssir elezzjoni ġenerali għada, il-Partit Laburista jirbaħha b’distakk ta’ 10.8% fuq il-Partit Nazzjonalista. Bit-turnout kif jinsab bħalissa, dan ikun differenza ta’ madwar 27,000 vot favur il-Partit Laburista.

Stħarriġ riċenti li sar ta’ Dott. Vincent Marmarà, juri li l-Partit Laburista qed igawdi l-appoġġ ta’ 53%, waqt li 42.2% jagħżlu lill-Partit Nazzjonalista. 4.8% jagħżlu li jivvutaw lill-partiti oħrajn.

L-istatistiku spjega li ċ-ċaqliq ta’ voti bejn il-partiti huwa wieħed minimu, bis-survey juri shift żgħir ta’ 1.7% mill-Partit Laburista lejn il-Partit Nazzjonalista. Żied jgħid li f’każ ta’ elezzjoni ġenerali għada, hemm numru sostanzjali ta’ votanti li qed jgħidu li mhux ser jivvutaw, bit-turnout ikun ta’ madwar 71% – ferm iżjed baxx minn elezzjonijiet ġenerali oħrajn. Huwa qal li meta wieħed jikkunsidra t-turnout preżenti, id-distakk bejn il-partiti jkun madwar 27,000 vot favur il-Partit Laburista.

Għal dan is-survey, li sar bejn l-20 u s-26 ta’ Jannar b’kampjun ta’ 1,000 persuna, ġiet applikat l-Multiple Imputation Technique – mudell xjentifiku applikata fuq dawk li jirrifjutaw li jwieġbu jew huma indeċiżi, b’dan iwassal għal riżultat aktar ċar dwar dak li jista’ jseħħ.

Meta r-riżultat ta’ dan l-isħarriġ jitqabbel mar-riżultat tal-Elezzjoni Ġenerali tal-2022, wieħed jinnota tnaqqis ta’ 2.1% għall-Partit Laburista, żieda ta’ 0.5% għall-Partit Nazzjonalista u żieda ta’ 1.6% għall-partiti oħrajn.

Fost il-votanti li vvutaw lill-Partit Laburista fl-Elezzjoni Ġenerali tal-2022, 74.5% qalu li jafdaw l-aktar lill-Partit Laburista, 1.7% wieġbu li jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista, 14.9% qalu li ma jivvutawx, 8.5% wieġbu li ma jafux, u 0.4% għażlu li ma jweġbux.

Mill-banda l-oħra, fost il-votanti li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-Elezzjoni Ġenerali tal-2022, 65.5% wieġbu li jerġgħu jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista, 14.9% wieġbu li ma jafux, 13.5% wieġbu li ma jivvutawx, u 5% għażlu li ma jweġbux.

Sport