Delegazzjoni tal-Partit Laburista, immexxija mill-President Alex Sciberras, żaret il-kumpanija Eunoia li tinsab fil-Life Sciences Park, f’San Ġwann. Fiż-żjara, il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Stefan Farrugia spjega li Eunoia timpjega madwar 35 ħaddiem u tispeċjalizza fid-data engineering, l-intelliġenza artifiċjali u l-governanza tad-data.
Is-Sur Farrugia qal li l-kumpanija tipproduċi prodotti u servizzi li jgħinu lin-negozji biex jimmodernizzaw l-operat tagħhom, b’teknoloġija innovattiva fosthom Q3 (AI executive advisor) u CFOUR Comply (RegTech għall-Ewropa), li huma rebbieħa tal-premju eBusiness Award 2022 għall-aħjar cloud-based solution. Dawn il-prodotti u servizzi ġodda huma mmirati għall-ħwienet, is-settur marittimu, l-iGaming, is-servizzi finanzjarji, il-loġistika, il-manifattura u l-poloz tal-assigurazzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv qal li l-kumpanija bdiet minn start-up ibbażata f’Malta, b’ċentru strateġiku f’Ċipru, u qed tħares li tespandi lejn swieq fl-Asja. Spjega li l-mira hi li jkompli jesporta l-prodotti bbażati fuq AI u jestendi l-operat tal-kumpanija bħala hub reġjonali għad-data u l-AI fil-Mediterran, l-Ewropa u l-Asja. Temm jgħid li l-kumpanija qed tibni reputazzjoni bħala sieħeb strateġiku li jmexxi l-bidla fil-mod kif in-negozji jużaw id-data biex fl-operat tagħhom u b’hekk jimmassimizzaw ir-riżorsi li jużaw.
Il-President tal-Partit Laburista Alex Sciberras qal li pajjiżna qed iħares lejn kif għandu jimxi mal-bidliet li qed iseħħu fosthom b’investiment fis-sistema edukattiva b’ħiliet konformi mal-iżviluppi teknoloġiċi li qed iwasslu għad-diġitalizzazzjoni.
Fakkar kif il-Gvern qed jinvesti mal-€100 miljun biex l-AI tkun disponibbli għal kulħadd – kemm familji u anke negozji. Sostna li l-Gvern qed jinvesti fin-nies, fosthom b’korsijiet bla ħlas fl-AI, biex kulħadd ikollu l-istess opportunitajiet, jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom u jkollhom karriera ta’ kwalità. Irrimarka li fl-istess waqt il-Gvern qed jinċentiva lin-negozji u kumpaniji biex jaġġornaw maż-żminijiet bi prattiċi diġitali.
Dr Sciberras innota t-tnedija tal-konsultazzjoni pubblika dwar l-aġġornament fl-istrateġija għall-AI, li tinkwadra wkoll fil-Viżjoni Malta 2050, b’miżuri li jindirizzaw mhux biss l-ekonomija iżda wkoll il-kwalità tal-ħajja tan-nies. Temm jgħid li l-AI diġà rrendiet fi tkabbir ekonomiku fl-aħħar snin, u ħeġġeġ biex issir iktar ħidma mill-Gvern sabiex pajjiżna jkompli jiżviluppa l-potenzjal tal-AI f’oqsma varji ta’ ħajjitna.

