Thursday, December 26, 2024

Il-PL jiżvela d-dokument ta’ qabel il-Budget tal-PN “li nżamm mistur”

Aqra wkoll

Il-Partit Laburista żvela l-kontenut ta’ dak li kellu jkun id-dokument ta’ qabel il-budget tal-Partit Nazzjonalista, dokument li minkejja diversi ġimgħat u xhur ta’ ħidma fuqu, baqa’ mistur u ma kienx ippubblikat. 

F’konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mill-Ministri Jonathan Attard u Byron Camilleri, intqal li fil-bidu tas-sajf li għadda, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech beda jikteb dan id-dokument bl-għajnuna ta’ sitt esponenti oħra tal-partit, inkluż il-Viċi Kap, is-Segretarju Ġenerali u erba’ kelliema oħra.

L-ewwel verżjoni tar-rapport jidher li kienet tlestiet fit-23 ta’ Lulju, b’verżjoni hekk imsejħa “evoluta” tkun lesta fl-4 ta’ Settembru. Iżda żied jingħad li “wara li ġew konsultati esperti fid-diversi suġġetti li jittratta dan id-dokument, il-PN spiċċa għażel li ma joħorġux.”

“Tant dan id-dokument kien ħażin u miżgħud żbalji li wara xhur jaħdmu fuqu, dawk li ħabbtuh magħhom qalulhom li dan id-dokument għandu jinżamm mistur. Imma aħna nemmnu li l-poplu għandu d-dritt ikun jaf x’kienu kapaċi jippreparaw wara tliet xhur Bernard Grech u l-kelliema tiegħu,” qal il-Ministru Attard. 

Semma kif fost l-oħrajn fil-parti fuq l-enerġija u l-infrastruttura, f’paġna 17 ta’ dan id-dokument, sar il-kumment li għandu bżonn “more beef”, jew bil-Malti “aktar sustanza”. Intqal li l-istess fejn jidħlu proposti fuq għajnuna lejn first-time buyers, jintqal “this needs work”. Hawn fakkru kif il-Kap tal-Oppożizzjoni kien ħareġ jiftaħar fil-midja li kellu proposti f’dan il-qasam li kienu aħjar minn dawk tal-Gvern.

Dr Attard qal li l-fatt li l-PN ma kienx kapaċi jispiċċa dokument bħal dan minkejja tant xhur ta’ ħidma jikkonferma kemm l-Oppożizzjoni ma tistax tkun afdata bit-tmexxija ta’ pajjiżna. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri qal li meta wieħed jara dan id-dokument, ikun jista’ jifhem aktar għalfejn dan ma kienx ippubblikat għaliex “mimli żbalji… żbalji fattwali mill-bidu sal-aħħar.” Qal li meta kien f’dibattitu fil-jiem li għaddew mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni Jerome Caruana Cilia u staqsieh jekk huwa ħadimx fuq il-Pre-Budget Document tal-Oppożizzjoni, dan tal-aħħar baqa’ ma weġbux u pprova jdur mal-mistoqsija. 

Dr Camilleri ffoka wkoll fuq il-fatt li filwaqt li l-Gvern qed ikun ċar li jrid jiffoka fuq kwalità u mhux kwantità, il-Partit Nazzjonalista internament jagħmel bil-maqlub. Dan hekk kif stqarr li f’dan id-dokument għandu l-mira li jkabbar l-impjiegi bi 32,000. Fid-dawl li kull sena qed jirtiraw aktar Maltin milli għandna żgħażagħ ġodda li jistgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol, dan ikun ifisser 40,000 ħaddiem barrani aktar. 

Ġie spjegat ukoll li: “jingħad li ċ-ċifra tad-dejn għall-2023 hija ta’ €10.6 biljun, meta din kienet kważi €800 miljun anqas. Id-dokument fih ukoll żbalji fuq kemm hawn nies jaħdmu f’diversi setturi, fosthom fis-settur finanzjarju biex b’hekk il-mira ta’ żieda fl-impjiegi f’dawn is-setturi li mwegħda mill-awturi tad-dokument kieku sempliċement twassal biex pajjiżna jkollu l-istess ammont ta’ impjiegi li hawn preżentament f’dawn is-setturi.”

Il-Ministru Camilleri temm jinnota d-differenza ċara li hemm bejn il-Partit Laburista fil-Gvern u l-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni. “Aħna nagħtu mhux biss direzzjoni lil dan il-pajjiż imma niddeċiedu, inwettqu u kontinwament nieħdu deċiżjonijiet li fiċ-ċentru tagħhom hemm in-nies. Aħna mhux żbalji fuq il-manifest elettorali għandna, mhux żbalji fil-Pre Budget Document iżda tajna aktar milli wegħedna.”

Ekonomija

Sport