Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba u l-Kap Eżekuttiv Leonid McKay nedew l-attivitajiet li bihom il-Partit Laburista se jkun qed ifakkar is-46 sena minn Jum il-Ħelsien. L-attivitajiet se jibdew mill-Ġimgħa 21 ta’ Marzu mill-Imtarfa u jintemmu biċ-ċerimonja tradizzjonali fit-30 ta’ Marzu fil-Birgu, bit-tema għal din is-sena hija ‘Ħelsien: il-ġid għall-Maltin’.
Il-Kap Eżekuttiv tal-PL qal li ċ-Ċentru għall-Interpretazzjoni fl-Imtarfa se jservi ta’ sfont għad-diskussjoni li se ssir dwar il-bidla ekonomika li seħħet f’pajjiżna mill-Ħelsien sal-lum il-ġurnata li se tiġi organizzata fit-23 ta’ Marzu bis-sehem tal-Ministri Clyde Caruana, Silvio Schembri u d-Deputat Cressida Galea. Jumejn qabel, fl-istess Ċentru għall-Interpretazzjoni se ssir l-inawgurazzjoni ta’ esebizzjoni b’materjal oriġinali li jfakkar Jum il-Ħelsien, kif ukoll se jiġu organizzati żjarat bi gwida u bla ħlas tat-Torri tal-Arloġġ fl-Imtarfa.
Il-Ħadd ukoll, 23 ta’ Marzu, se jintwera doku-film fis-sala taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun li se tinbidel f’ċinema li se tintrama’ apposta għal din l-okkażjoni, filwaqt li matul il-ġimgħa bejn it-Tnejn 24 u l-Ġimgħa 28 ta’ Marzu se jixxandar programm kuljum fuq ir-radju u se jixxandru sensiela ta’ intervisti qosra ma’ persuni li għexu dan il-mument storiku ta’ Jum il-Ħelsien fuq l-istazzjonijiet ONE. Il-qofol tal-attivitajiet jintlaħaq il-Ħadd 30 ta’ Marzu filgħaxija, biswit il-monument tal-Ħelsien fil-Birgu, fejn se ssir iċ-ċerimonja tradizzjonali ta’ Jum il-Ħelsien, indirizzata mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela.
Is-Sur McKay qal li Jum il-Ħelsien se jitfakkar b’dawn l-attivitajiet li se jkunu mifruxa fuq iktar minn ġimgħa għax din il-kisba mhix biss storika, imma tfisser ukoll żvolta li kellu f’pajjiżna f’oqsma varji meta ħadna rajna f’idejna u bdilna l-ekonomija, kuxjenza soċjali u ndirizzajna l-preġudizzji li kienu jsofru bosta nies.
Id-Deputat Mexxej tal-PL qal li Jum il-Ħelsien huwa marbut intrinsikament mal-istorja u l-identità tal-Partit Laburista, meta Malta ma baqgħetx bażi militari Ingliża. Spjega kif il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Dom Mintoff ried li pajjiżna jinfatam mill-ekonomija militari u kellu viżjoni ekonomika u soċjali għall-futur ta’ Malta.
Qal li dak li nnegozja Gvern Laburista ta’ dak iż-żmien juri li Dom Mintoff għad għandu raġun, meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi attwali li qed iseħħu madwarna. Sostna li n-newtralità u s-sovranità ta’ Malta għadhom relevanti sal-lum, kif ġara ftit tal-jiem ilu meta l-Prim Ministru Robert Abela u l-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Laburista komplew jissalvagwardjaw il-prinċipji tan-newtralità u n-non-allinjament billi ħadu pożizzjoni favur il-paċi u d-djalogu, u kontra l-parteċipazzjoni ta’ Malta fi programmi militari u kontra x-xiri ta’ armi u munizzjon.
Dr Agius Saliba appella lill-pubbliku biex jieħu sehem fl-attivitajiet u jfakkar dan il-jum storiku għal pajjiżna b’ċelebrazzjoni kbira u mill-aqwa li tixhed il-prinċipji tal-Partit Laburista li kien, għadu u jibqa’ t-tarka tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.