Friday, December 13, 2024

“Il-PL twieled sabiex il-ħaddiema kollha jkollhom id-drittijiet tagħhom salvagwardjati” – Josè Herrera

Aqra wkoll

Dr Josè Herrera ilu membru fil-Parlament mal-Partit Laburista għal dawn l-aħħar 26 sena. Kienet is-sena 1996 meta hu kien tela’ mill-ewwel distrett. Inċidentalment kien ukoll elett fiż-żmien meta l-Partit Laburista kien rebaħ l-elezzjoni. Minn dak iż-żmien ‘l hawn hu dejjem tela’ fil-Parlament u fis-26 ta’ Marzu li ġej se jkun qed jerġa’ jikkontesta għal darb’oħra mal-partit tant għal qalbu fl-ewwel distrett li jinkludi l-Belt, il-Furjana, il-Ħamrun, il-Marsa, tal-Pietà, Gwardamanġa (Tal-Pietà) u Santa Venera. 

Dan is-sit iltaqa’ mal-Onorevoli Herrera li bħalissa qed jokkupa l-irwol ta’ Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali, u għaddej ġmielu biż-żjarat mal-kostitwenti tiegħu f’diversi djar fl-ewwel distrett.

Hu jiddeskrivi ruħu bħala raġel tal-familja, missier ta’ żewġt itfal, avukat u politiku.

Kif bdiet din l-imħabba għall-attiviżmu politiku?

“Niftakar li kont student fl-Università ta’ Malta. Kont qed nistudja għal avukat u għall-ewwel kont membru u aktar tard Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Studenti Universitarji. Minħabba li kont qed nistudja l-Kors tal-Liġi, li nista’ ngħidlek li kien wieħed ferm intensiv, kelli nieqaf mill-attiviżmu politiku għal ftit taż-żmien. Fl-1995 erġajt irritornajt u din id-darba l-mexxej ta’ dak iż-żmien u aktar tard Prim Ministru ta’ Malta Alfred Sant ipperswadieni sabiex noħroġ għall-elezzjoni li kellha ssir sena wara. Hu kkonvinċieni u jien ma qgħadtx naħsibha darbtejn. B’xorti tajba ġejt elett mill-ewwel distrett u dan kien il-bidu tal-karriera politika tiegħi.”

Staqsejna lil Herrera biex jgħidilna x’inhu s-sigriet li permezz tiegħu jirnexxilu jlaħħaq ma’ kollox, aktar u aktar meta l-politika tinvolvi ħafna ħin

Herrera qalilna li l-ħajja mhix xogħol biss, iżda fiha wkoll il-lat tad-divertiment u dak soċjali. Li kieku l-ħajja tkun biss xogħol, allura faċli tgħix f’monotonija. Minkejja li bħala avukat jaħdem għal sigħat twal, madanakollu dejjem isib il-ħin mhux biss għalih innifsu iżda wkoll għall-familja u t-tfal.

X’kienu l-kisbiet li rnexxielu jwettaq Herrera fiż-żmien kemm dam ministru f’diversi dipartimenti tal-Gvern? 

“Fil-ħidma parlamentari tiegħi tul iż-żmien daħħalt numru ta’ abbozzi li għandi l-pjaċir ngħid li saħansitra saru liġijiet. Bdejt b’żewġ abbozzi tal-parole u tal-parteġġjament tal-kawżi kriminali li dawn aktar tard ġew approvati.

Kont ukoll parti mit-titjib u l-investiment qawwi ta’ €700 miljun għar-residenzi, filwaqt li meta kelli d-dekasteru tal-ambjent ħawwilna ħafna siġar sabiex naraw l-ambjent Malti isbaħ milli hu. Daħħalt ukoll diversi skemi li gawda minnhom il-poplu Malti filwaqt li meta ġejt fdat bil-Ministeru tal-Kultura ħdimt qatigħ sabiex jiġu restawrati diversi binjiet li jagħmlu parti importanti mill-istorja ta’ Malta.

Riċentement qed naħdem sabiex il-baned Maltin jingħataw iktar vuċi u identità peress li dawn huma parti mill-kultura ta’ gżiritna, filwaqt li qed nagħtu aktar valur lill-arti kreattiva.

Illum tnediet konsultazzjoni preliminari mas-suq għal ċekkjatur tal-ortografija u tal-grammatika Maltija. L-iskop ta’ din il-konsultazzjoni kien li jiġu identifikati soluzzjonijiet diġitali potenzjali u operaturi ekonomiċi fis-suq li setgħu jipprovdu ċekkjatur tal-ortografija u l-grammatika tal-Malti”. Herrera spjega li: “Il-konsultazzjoni preliminari hija mibnija li tħares lejn il-futur, u għalhekk bħala parti integrali qegħdin nisħqu fuq l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali. Fuq kollox irridu soluzzjoni li tpoġġi fiċ-ċentru tagħha lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna, il-ħaddiema u l-professjonisti, u lil kull persuna li tgħożż il-lingwa Maltija.”

Peress li ilu attiv fil-politika Maltija għal dawn l-aħħar 26 sena, staqsejna lill-Ministru Herrera kif ra lil Malta tinbidel f’dawn l-aħħar snin.

“Ċertament li fis-snin imgħoddija kien hawn ħafna polarizzazzjoni fejn li tkun aħmar jew blu kienu jippredominaw. Madankollu iktar m’għadda ż-żmien, din il-polarizzazzjoni bdiet tonqos, għalkemm issa qed nerġa’ naraha tiżdied xi ftit. Bil-miġja tal-midja soċjali, żdiedu wkoll l-attakki personali fuq il-politiċi, xi ħaġa li ma tantx hi daqshekk sabiħa. Il-midja soċjali għandha tintuża b’mod tajjeb għax billi naqgħu għall-attakki personali m’aħna se naslu mkien.”

X’inhuma l-isfidi li qed jiltaqgħu magħhom in-nies u li qed jgħidulu bihom waqt iż-żjarat li qed jagħmel fid-djar?

“Hemm diversi problemi soċjali li qed jiltaqgħu magħhom in-nies. Uħud minnhom ikunu personali, oħrajn jirrigwardjaw il-housing soċjali u l-pagi li mhux dejjem ikunu biżżejjed sabiex ċerti nies jgħaddu sal-aħħar tax-xahar. Minkejja kollox, il-poplu hu kuntent b’dak li qed jagħmel il-Partit Laburista, bid-diversi inċentivi li qed joħloq sabiex dejjem jgħixu ħajja aħjar.”

Staqsejna lil Herrera kemm għadhom validi l-prinċipji Soċjalisti fil-ħajja tal-lum f’soċjetà li kulma jmur dejjem qed tinbidel.

Hu qalilna li: “Illum spiċċaw ‘l hekk imsejħa ‘-iżmu’ (Komuniżmu, Soċjaliżmu, u oħrajn). Minkejja kollox, il-Partit Laburista twieled sabiex il-ħaddiema Maltin u Għawdxin ikollhom id-drittijiet tagħhom salvagwardjati. Barra minn hekk, illum is-Soċjaliżmu tista’ tgħid li nbidel għal Partit Soċjal Demokratiku, valuri li fl-Ewropa saru predominanti. Hu importanti li l-Partit Laburista qatt ma jinsa minn fejn beda u dejjem jara li jkompli jagħmel il-ġid filwaqt li jaġġorna ruħu maż-żminijiet tal-lum, xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista naqas li jagħmel, anke għax għadu wisq konservattiv.

Il-Partit Laburista għandu aspirazzjonijiet politiċi kbar sabiex jara li l-kwalità tal-ħajja tan-nies dejjem tkompli titjieb, filwaqt li jsaħħaħ diversi industriji u fuq kollox bħala Prim Ministru responsabbli jħares lejn il-patrimonju storiku li hu parti mill-identità tagħna l-Maltin.”

Iżda x’timbru jixtieq iħalli Herrera ġaladarba jerġa’ jitla’ fil-Parlament Malti?

“Jien dejjem tgħallimt nimxi b’kordjalità, u bħala politiku dejjem lest sabiex inservi aktar milli nwettaq xi ambizzjoni personali tiegħi. Nixtieq li jekk nerġa’ nitla’ nħalli togħma tajba fost in-nies, xi ħaġa li dejjem irnexxieli nagħmel f’dawn l-aħħar 26 sena.”

L-aħħar messaġġ ta’ Herrera hu wieħed ċar

“Il-Partit Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abela ġie ttestjat bl-aqwa mod possibbli fi żmien il-pandemija, li bla dubju kienu żminijiet ferm diffiċli u li l-mexxejja fi ħdanu ħarġu bl-unuri. Għalhekk huwa importanti li l-votanti Maltin jagħtu l-preferenza tagħhom lill-Partit Laburista, sabiex b’hekk ikun jista’ jkompli dak li beda fil-pajjiż filwaqt li jwarrab minn moħħu kull tip ta’ alternattiva oħra”.

Ekonomija

Sport