Il-clubs madwar l-Ewropa jinsabu fuq allert li l-attakkant ta’ Borussia Dortmund, Youssoufa Moukoko, jifforma parti mill-frodi ta’ etá li heżżet il-football tal-Kamerun f’dawn l-aħħar ġimgħat.
Moukoko, li twieled f’Yaounde, il-Kamerun, qabel ma mar jgħix il-Ġermanja fl-2014 fejn ġie adottat, huwa allegat li għandu 22 u mhux 18 kif jixhdu dokumenti foloz.
Bosta kienu dawk il-clubs li ħarġu stqarrija fejn qalu li rtiraw mit-taħditiet mal-club Ġermaniż fit-tentattiv biex jiffirmaw lil dan il-player wara żviluppi f’investigazzjoni dwar frodi tal-età.
Il-Ġimgħa li għaddiet it-team nazzjonali tal-Kamerun ta’ Taħt is-17-il sena kien qed qed jipprepara biex jilgħab logħbiet ta’ kwalifikazzjoni tal-Afrika Ċentrali fit-Tazza tan-Nazzjonijiet dan ix-xahar meta nstab li 21 player mill-iskwadra ta’ 30 kienu fallew mit-testijiet tal-etá.
Issa fil-Ġermanja qed isostnu li ċ-ċertifikat tat-twelid datat għas-sena 2000 bl-isem ta’ Yousouffa Mohamadou u attribwit lill-attakkant ta’ Dortmund Moukoko ġie skopert fl-2022.
Rapporti oħra qed isostnu li l-missier adottiv ta‘ Moukoko kien bagħat l-allegat ċertifikat lil ġurnalist li kixef dan l-ingann.
L-adozzjoni tal-plejer ħarġet fl-2022 iżda issa investigazzjoni dwar frodi tal-età hija allegata li qajmet dubji dwar il-leġittimità li Moukoko għandu 18-il sena.
Qed jingħad li ħarġu aktar dubji minħabba li Moukoko allegatament kellu sieħba ikbar minnu fil-bidu tal-adoloxxenza tiegħu.
Fl-2017 l-FA Ġermaniża ċaħdet kull illeġittimità lejn id-dokumentazzjoni tal-player, li telenka d-data tat-twelid tiegħu bħala l-20 ta’ Novembru, 2004.
“Id-DFB diġà kellu numru ta’ diskussjonijiet intensivi ma’ Borussia Dortmund f’diversi livelli,” kienet tgħid stqarrija.
“Fuq talba tad-DFB għal kunsiderazzjoni bir-reqqa tal-fatti, dawk responsabbli fil-club ta’ Borussia Dortmund dejjem jindikaw l-awtentiċità tal-karti u d-dokumenti, li huma magħrufa wkoll mid-DFB.”