Il-plejers tat-tim Nazzjonali Malti qegħdin igawdu minn Ċentru Nazzjonali tal-Futbol tal-ogħla livell f’Ta’ Qali

Aqra wkoll

L-investiment fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Futbol f’Ta’ Qali, qegħdin jaħsdu l-frott tiegħu l-plejers u t-tim tekniku tat-tim nazzjonali Malti hekk kif taħt saqaf wieħed għandhom dak kollu meħtieġ biex jitħejjew qabel logħba importanti bħal dik ta’ nhar il-Ħadd kontra Andorra.

Dan fi kliemhom, waqt żjara li għamlu l-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Futbol f’Ta’ Qali, waqt li l-iskwadra kienet qed titħarreġ bi tħejjija għall-Ħadd li ġej.

Matul iż-żjara, il-Prim Ministru u l-Ministru Camilleri segwew parti mis-sessjoni ta’ taħriġ u tkellmu mal-kowċ tat-tim nazzjonali, mal-istaff tekniku u mal-plejers flimkien mal-amministrazzjoni tal-Malta Football Association. Huma ngħataw spjegazzjoni dwar kif iċ-Ċentru biddel il-mod kif it-tim iħejji ruħu minn jum għal jum minn meta ġie inawgurat.

Il-kowċ u l-plejers enfasizzaw diversi benefiċċji li ċ-Ċentru qed iġib lit-tim nazzjonali:

•⁠ Kollox taħt saqaf wieħed: il-grawnds tat-taħriġ, il-gymnasium, il-faċilitajiet tal-fiżjoterapija u ż-żoni għall-irkupru jinsabu kollha fl-istess post, u b’hekk jitnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar li jagħmel possibbli taħriġ aktar iffukat.

•⁠ Appoġġ mix-xjenza tal-isport: il-laboratorji tax-xjenza tal-isport taċ-Ċentru jippermettu lill-istaff jimmonitorja l-kundizzjoni fiżika, il-piż tat-taħriġ u l-prestazzjoni, filwaqt li jfassal il-preparazzjoni skont il-ħtiġijiet ta’ kull plejer.

•⁠ Irkupru aktar mgħaġġel u aktar prevenzjoni: il-klinika ddedikata għall-fiżjoterapija u ż-żoni għall-irkupru jgħinu lill-plejers jirkupraw bejn sessjoni u oħra u bejn logħba u oħra, xi ħaġa kruċjali matul il-perjodi intensivi ta’ logħob internazzjonali.

•⁠ Preparazzjoni tattika aħjar: is-swali tal-laqgħat u l-ispazji għall-preżentazzjonijiet jippermettu lill-istaff tekniku jagħmel analiżi permezz tal-vidjow u sessjonijiet ta’ preparazzjoni tattika fl-istess ċentru.

•⁠ ⁠Ambjent professjonali: mibni skont l-aqwa standards tal-UEFA, iċ-Ċentru jagħti lill-plejers Maltin ambjent bħal dak li għandhom il-pajjiżi li jikkompetu magħhom. Il-plejers qalu li dan jgħin biex isaħħaħ kemm il-kunfidenza kif ukoll il-moral tagħhom.

Henry Bonello, il-goaler tat-tim nazzjonali Malti, sostna li kumpless bħal dan, apparti l-faċilitajiet li joffri, jiffaċilita wkoll l-aċċessibbiltà għal dawn l-istess faċilitajiet hekk kif kollox huwa miġbur taħt saqaf wieħed. Il-kowċ tat-tim nazzjonali, Emilio De Leo, qal li dan it-tip ta’ investiment għen ukoll biex jgħaqqad it-tim għaliex kull membru f’kull mument ikun taħt saqaf wieħed. Intant, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, Bjorn Vassallo, sostna li issa l-assoċjazzjoni tista’ tħares ’il quddiem lejn aktar proġetti ambizzjużi fosthom dak tal-proġett tal-istadium nazzjonali.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal, “Iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Futbol inbena biex jagħti lit-timijiet nazzjonali tagħna l-aqwa appoġġ possibbli, u huwa inkoraġġanti li nisimgħu mingħand il-plejers stess li qed jagħmel differenza reali. L-investiment f’faċilitajiet ta’ dan il-livell huwa investiment fit-talent tagħna, li jagħmilna kburin. Nhar il-Ħadd, il-pajjiż kollu se jkun wara t-tim fil-logħba kontra Andorra.”

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri qal, “Illum rajna b’għajnejna xi jfisser dan l-investiment għat-tim nazzjonali tagħna. Meta l-kowċ u l-plejers jgħidulna li ċ-Ċentru qed jgħinhom jippreparaw aħjar, jirkupraw aktar malajr u jitħarrġu f’ambjent professjonali, dan jikkonferma li għamilna l-għażla t-tajba. L-impenn tagħna huwa li nkomplu ninvestu fl-isport biex l-atleti tagħna jkollhom kull opportunità li jikkompetu fl-aqwa tagħhom, mill-grassroots sat-tim nazzjonali.”

Iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Futbol kien iffinanzjat fil-parti l-kbira tiegħu permezz tal-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp u Soċjali (NDSF), bl-appoġġ ukoll ta’ self mill-Bank Malti għall-Iżvilupp (MDB). Iċ-Ċentru jservi bħala l-bażi teknika u loġistika għat-timijiet nazzjonali kollha ta’ Malta u jinkludi stadium tal-Kategorija 1, laboratorji tax-xjenza tal-isport, klinika tal-fiżjoterapija, gymnasium, żoni għall-irkupru, swali tal-laqgħat u spazji għal preżentazzjonijiet.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport