Sunday, November 24, 2024

Il-PM Awstraljan ifaħħar lill-pulizija li sparat fuq l-aggressur f’Sydney u jgħid li hi eroj

Aqra wkoll

Uffiċjal tal-pulizija Awstraljana ġiet deskritta bħala eroj mill-Prim Ministru tal-pajjiż. Dan wara li qatlet raġel li s-Sibt waranofsinhar daħal f’kumpless tax-xiri f’Sydney u qatel ħames nisa u raġel b’daqqiet ta’ sikkina.

F’kumment li ta lill-midja internazzjonali, il-PM Anthony Albanese qal li ma hemm l-ebda dubju li b’dak li għamlet l-uffiċjal tal-Pulizija, irnexxielha ssalva ħafna ħajjiet. Dan filwaqt li saħaq li l-istess attakk bħala wieħed xokkanti.

Il-Pulizija tal-Awstralja ddeskriviet lill-uffiċjal bħala persuna kuraġġuża, hekk kif din intervjeniet minnufih minkejja li l-aggressur pponta s-sikkina lejha. Huma saħqu li malli ntalbet l-assistenza tal-pubbliku, marru jassistu minnufih fuq il-post.

Sadanittant, ftit tas-sigħat biss wara l-attakk, il-midja internazzjonali rrapurtat li r-raġel li wettaq dan l-attakk f’Sydney ġie identifikat bħala Joel Cauchi.
L-awtoritajiet tal-pajjiż iddeskrivew lil Cauchi bħala individwu li x’aktarx kien qed ibati minn problemi kbar ta’ saħħa mentali.

Bħalissa qed issir ukoll inkjesta sabiex jaraw jekk dan l-attakk kienx immirat lejn in-nisa. Sa issa, huma eskludew li dan l-attakk kellu intenzjoni ta’ terroriżmu.
Cauchi, li kien għalliem tal-Ingliż u li huwa minn Queensland, kien magħruf sew mal-Pulizija Awstraljana.

Il-familja ta’ Cauchi qalet li kienet ilha ma tkellmu minn Marzu li għadda u li ta’ 17-il sena sar jaf li kien ibati minn kundizzjoni ta’ saħħa mentali.

Sport